Filwaqt Li L-Oppożizzjoni Ma Toffrix Soluzzjonijiet Studjati, Il-Gvern Malti Baqa’ Jassigura L-Irħas Kontijiet

 Filwaqt Li L-Oppożizzjoni Ma Toffrix Soluzzjonijiet Studjati, Il-Gvern Malti Baqa’ Jassigura L-Irħas Kontijiet

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, ‘Smart and RF meters’ contribution to more accurate and timely utilities billing’, reġa’ kkonferma kif il-kontijiet tal-enerġija llum jinħadmu bl-istess mod li dejjem inħadmu. Fil-fatt, l-unika bidla li saret mill-2013 ’il quddiem kienet li dawn il-kontijiet roħsu b’25%.

Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-liġi li hemm fis-seħħ illum u li fuqha jinħadmu l-kontijiet daħlet fl-2009. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Awditur Ġenerali kien ċar meta qal; “Practices adopted by the utilities’ corporations and ARMS have always been based on pro rata basis” u “all workings were found to be correct”.

Filwaqt li kawt minħabba interpretazzjonijiet differenti f’każ li hemm quddiem il-Qorti, meta kkummenta fuq tibdil li jista’ jsir fuq is-sistema preżenti, l-Awditur Ġenerali qal li kwalunkwe bidla trid tkun studjata b’reqqa u b’responsabbiltà. Skont ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, dan għandu jiġri għaliex jeżisti r-riskju li l-bidla tista’ twassal biex iżżid il-kontijiet ta’ ċertu klijenti, filwaqt li wera tħassib ukoll li ssir b’mod li tippremja lil min jaħli l-iktar, xi ħaġa li l-Awditur Ġenerali nnifsu jgħid li tmur għalkollox kontra l-polluter pays principle u allura kontra t-trattat tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji li jirriżultaw minnu.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jgħid li, bis-sistema tal-annualisation, konsumaturi li jaħlu ħafna se jgawdu l-aktar, filwaqt li konsumaturi li joqgħodu attenti fil-konsum tagħhom jispiċċaw jintlaqtu ħażin.

Dan jirrifletti dak li diġa’ ddikjara l-Ministeru għall-Enerġija meta qal li dikjarazzjonijiet mgħagġla li saru mill-Oppożizzjoni kienu se jżidu l-kontijiet ta’ eluf ta’ klijenti u kienu se jipperikolaw ukoll il-benefiċċju tal-eco-reduction. L-Awditur Ġenerali jinnota wkoll id-dikjarazzjoni tal-gvern fil-Baġit 2022, fejn impenja ruħu li jindirizza din il-kwistjoni u ntqal b’mod ċar li kull bidla li ssir trid tkun “ġusta għal kulħadd.”

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Awditur Ġenerali kien ċar illi l-kontijiet maħduma skont din il-metodoloġija ġeneralment kienu korretti.

Għalhekk li l-Awditur Ġenerali kiteb; “more in-depth studies are required as quasi favouring the heaviest peak consumers would deviate from the fundamental polluter pays principle”.

Il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet maħsuba u mhux ibbażati fuq il-populiżmu jirriflettu l-pożizzjoni li diġa’ ħa dan il-gvern li fil-Baġit għas-sena d-dieħla ddikjara li se titħabbar sistema ġdida li hi ġusta għal kulħadd mingħajr ma tagħmel impatt negattiv lil ebda klijent. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien qed jingħad mill-Oppożizzjoni, li bil-proposta mgħaġġla tagħhom kienu se jwasslu biex jgħolew il-kontijiet lil eluf ta’ klijenti.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni ma toffrix soluzzjonijiet studjati, il-gvern Malti baqa’ jassigura l-irħas kontijiet għall-konsumaturi Maltin fi żmien ta’ kriżi internazzjonali, meta fl-istess ħin f’pajjiżi oħra madwar l-Unjoni Ewropea kienu reġistrati żidiet konsiderevoli. Malta llum għandha l-irħas kontijiet tal-enerġija fiż-Żona Ewro għax dan il-gvern għażel li jieħu n-naħa tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin u ma jitfax fuqhom piżijiet ta’ pressjonijiet internazzjonali meta għadna ħerġin minn pandemija. Hekk temmet tgħid l-istqarija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com