“Ma Nibqgħux Nagħmlu L-Iżball Li Nagħtu Bis-Sieq Dak Li Huwa Malti!” – Peter Agius
Hekk kif bħalissa f’pajjiżna hawn Russel Crowe – protagonista tal-film ‘Gladiator’, bosta kitbu fuq il-mezzi soċjali dwar dan, fosthom il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, fejn kiteb li huwa “tajjeb li pajjiżna jattira l-films ta’ Hollywood, u tajjeb wkoll li ninvestu l-miljuni biex inkunu nistgħu noffru ‘filming location’ mill-aqwa.”
Agius kompla jgħid però li “mhux tajjeb iżda li filwaqt li nifirxu t-tapit l-aħmar lill-prodott barrani ninsew li għanda prodott Malti li jista’ jikber ferm aktar. Hekk qed isir bħalissa. Il-produtturi ta’ films Maltin bħal Luzzu, Simshar u Limestone Cowboy qalu li jikkunsidraw jibbojkottjaw is-serata tal-Malta Film Awards,” tenna il-Kelliem tal-PN.
“Tafu għaliex?,” staqsa Peter Agius, “għax il-gvern nefaq 400,000 euro fuq serata waħda meta l-baġit kollu għal sena sħiħa biex jgħin lill-industrija tal-films Maltija huwa biss 600,000.”
Huwa kompla jisħaq li dawn huma l-prijoritajiet żbaljati ta’ min imexxina bħalissa. “Għat-tlellix tal-kameras lesti jonfqu ħafna, però mbgħad jixxaħħu biex jippromwovu l-prodott Malti.”
Peter Agius sostna li dan huwa żball kbir għax il-kultura tirrakkonta min aħna.
Huwa temm jgħid li film tajjeb bħal Luzzu huwa biljett ta’ stedina għal kull barrani li jista’ jsir turist ta’ pajjiżna. “Il-promozzjoni tal-prodott Malti hija formula Win Win. Ma nibqgħux nagħmlu l-iżball li nagħtu bis-sieq dak li huwa Malti!,” ikkonkluda jgħid il-Kelliem tal-PN Peter Agius fil-messaġġ tiegħu fuq il-mezzi soċjali tiegħu.