Żagħżugħ Ta’ 23 Sena Se Jitressaq Il-Qorti Wara Li Allegatament Ħaraq Bieb Ta’ Residenza Fil-Ħamrun
Ilbieraħ il-Pulizija rnexxiela tarresta raġel ta’ 23 sena minn Birkirkara li fil-ġurnata ta’ qabel allegatament ħaraq bieb ta’ residenza privata fil-Ħamrun.
Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru għall-ħabta tal-ħamsa u kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija tad-Distrett kienu infurmati li fi Triq Alexander kien hemm nirien ma’ bieb ta’ residenza li x’aktarx kien tqabbad minn xi persuni mhux magħrufa.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkontrollaw in-nirien fi ftit ħin u ttieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex ma jkunx hemm aktar periklu, filwaqt li ġie kkonfermat li ma kienx hemm persuni fir-residenza.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Caroline Farrugia Frendo kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Investigazzjonijiet intensivi mill-Arsons Unit fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri flimkien mad-Distrett tal-Ħamrun, wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 23 sena, minn Birkirkara.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum, għal ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello.