Għadkom Tilbsuha L-Maskra?
Is-sajf li għadda nistgħu ngħidu li kien wieħed tajjeb fir-rigward tal-każijiet tal-Covid-19. Bla dubju, din ma tgħidhiex lil min soffra minnu jew tilef lil xi ħadd minħabba l-virus.
Nirreferu għall-ammonti li baqgħu dejjem stabbli u naqsu. Imma donnu kif qrobna lejn il-200 każ attiv, erġajna bdejna telgħin.
Bosta jridu jafu iżjed. Uħud jirrimarkaw biex ma terġax tibda l-kantaliena u li rridu nidraw bih.
Madanakollu, illum feġġew 50 każ attiv li fil-verità, mhux xi numru esaġerat imma l-ħsieb jibda jtektek dwar jekk issa, li resqin iżjed il-laqgħat mal-ħbieb u l-familja minħabba l-festi tal-Milied, il-każijiet hux se jkomplu jiżdiedu.
11-il pazjent jinsabu rikoverati fl-isptar Mater Dei filwaqt li tlieta minnhom jinsabu għall-attenzjoni taħt kura intensiva. Fiequ 12 u l-ammont totali issa jgħodd 369.
Bla dubju, m’aħnhiex niktbu dan biex inqajmu paniku. Xejn affattu. Imma intom għadkom tilbsuha l-maskra? Jew irrilassajtu wkoll u tikritikaw biss fuq il-midja soċjali?
Għadkom taħslu jdejkom jew irid joqgħod jgħidilkom dak li jkun? Għadkom issibu nies, anke fi ħwienet stess fejn suppost tilbes il-maskra li jgħidulek “idħol idħol, m’hawn ħadd!” ?
Apparti li m’għandniex xi ngħidu, mijiet fi ħwienet u f’postijeit fejn din suppost għadha tintlibes, jilbsuha sempliċiment ħalli jekk jilmħu lil xi ħadd, jgħidu li lebsin il-maskra. L-importanti li ma naqlax ċitazzjoni mhux saħti jew saħħet il-proxxmu! Mhux hekk hux?!
Ieqaf u aħseb!