Il-PN Fil-Gvern Iwiegħed Li Jneħħi B’Mod Gradwali L-Cables Minn Mal-Faċċati U T-Toroq – Wegħda Li Ma Wettaqx Il-PL
“Aħna rridu Malta isbaħ, anke fl-irħula tagħna fejn jeħtieġ innaqqsu l-kruha ta’ cables u arbli tad-dawl li jkerrħu t-toroq u l-faċċati tad-djar privati. Irridu niġġieldu l-kruha billi nippjanaw aħjar u ninvestu fis-sbuħija tal-lokalitajiet.”
Dan qaluh il-Kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mal-Kandidat Clifford Zahra Fenech minn lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta fejn tipikament għandek mijiet ta’ cables jaqsmu min naħa għall-oħra tat-triq u għexieren ta’ arbli bil-cables mal-faċċati tad-djar privati u negozji.
Huma qalu li fil-Manifest elettorali fl-2017 il-Partit Laburista wiegħed li ‘jitneħħew l-arbli tad-dwal u wires żejda minn mal-faċċati tad-djar’. Il-Manifest jgħid li ser jitnaqqas drastikament ‘l-isfreġju u l-inkonvenjent’ mit-toroq Maltin billi flok isiru cables fil-faċċati tad-djar u arbli bil-cables jaqsmu min naħa għal oħra tat-triq dawn jibdew isiru ġo culverts taħt il-bankini.
“Minn dan ma sar xejn. Mhux talli hekk, talli fin-nefqa ta’ 400 miljun f’toroq il-Gvern Laburista tilef l-okkazzjoni li jippjana x-xogħol tat-toroq b’mod li jitlestew culverts taħt l-art fejn jistgħu jiġu l-cables,” saħqu il-Kelliema tal-PN.
Huma komplew jgħidu li sadanittant, ma kien hemm l-ebda inċentiv biex fil-bini ġdid mis-settur privat, is-sidien jippreparaw culverts biex il-cables li jservu binjiet ġodda jitpoġġew taħt il-bankina. Il-ftit każijiet fejn tpoġġew cables fil-culverts taħt il-bankini kienu każijiet fejn kienu s-sidien privati stess li nefqu l-flus minn buthom biex għamlu dan. “Il-Gvern naqas milli jgħin f’dak li, ironikament, kienet wegħda elettorali tiegħu stess.”
“Dan huwa każ ieħor klassiku fejn il-Partit Laburista jwiegħed affarijiet li jidhru sbieħ għall-mument iżda jinsihom ftit ġranet wara l-elezzjoni” qal il-Kelliem Peter Agius.
“Huwa ħasra kbira li waqt li għaddej xogħol fuq toroq f’bosta lokalitajiet, ma sarx pjanar serju biex insebbħu t-toroq billi npoġġu cables taħt l-art. Dan juri n-nuqqas ta’ pjanar serju mill-Gvern Laburista li bħal ma issa huwa magħruf minn kulħadd, fil-qasam tal-enerġija, ħaseb għall-kuntratti miljunarji għal tal-qalba iżda traskura l-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin” qal Clifford Zahra Fenech.
Il-Kelliema tal-PN sostnew li Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed li fil-fatt titwettaq il-wegħda miksura tal-Partit Laburista billi jinbeda proċess gradwali fejn kull binja ġdida jkollha, sistematikament, sistema ta’ culverts fejn jitpoġġew il-cables filwaqt li jsiru proġetti li jibdew mill-irħula u toroq l-aktar densi b’cables u servizzi oħra fejn isiru bankini ġodda b’investiment pubbliku li jinkludu culverts fejn jitpoġġew il-cables kollha.
Huma temmew jgħidu li dan sar diġà f’amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-passat fejn tlestew proġetti bħal dawn fil-Belt Valletta u fl-Imdina. “Wasal iż-żmien li niġġieldu kontra l-kruha fl-irħula tagħna. L-estetika għanda l-valur tagħha fil-kwalita’ tal-ħajja tagħna lkoll.”