Is-Servizz Ta’ Trasport B’Xejn Għall-Anzjani Se Jiġi Estiż Fil-Mosta, In-Naxxar U Ħal Għargħur
Id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed ikompli jwessa’ s-servizz ta’ trasport b’xejn lill-anzjani biex jitwasslu għall-qadi essenzjali. Barra minn hekk, qed jinbeda proġett pilota bi tliet lokalitajiet jingħaqdu f’żona waħda.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet. Iż-żona tal-proġett pilota se tinkludi l-Mosta, in-Naxxar u Ħal Għargħur.
Is-servizz ta’ trasport b’xejn magħruf bħala Silver-T huwa indirizzat lejn l-anzjani biex jitwasslu għall-qadi essenzjali bħal banek, kliniċi, kunsilli lokali, knisja u oħrajn. Eventwalment, dan is-servizz se jiġi estiż madwar Malta u Għawdex kollha. Għal dan l-għan, għadha kif ħarġet sejħa għall-offerti għal vannijiet elettriċi tal-passiġġieri biex jintużaw f’kull żona.
Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jirċievi ’l fuq minn 1,000 telefonata fix-xahar għal dan is-servizz.
Anzjani interessati għandhom jibbukkjaw mhux aktar tard minn jumejn qabel u mhux aktar kmieni minn tlett ijiem qabel, fuq in-numru tat-telefon 21695544. Is-servizz jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7am sas-2pm.
Ritratti: DOI