Imnedija Tliet Proġetti Ġodda Bit-Teknoloġija Blockchain Fis-Settur Pubbliku

 Imnedija Tliet Proġetti Ġodda Bit-Teknoloġija Blockchain Fis-Settur Pubbliku

Wara li fl-2019 il-gvern nieda l-istrateġija tiegħu fis-settur tad-‘distributed ledger technology’, illum kompliet tiġi implimentata din l-istrateġija billi ġew imnedija tliet proġetti ġodda li jagħmlu użu mit-teknoloġija blockchain. Din it-teknoloġija tikkonsisti f’sensiela ta’ networks protetti. L-industrija u ċ-ċittadini ser ikunu qegħdin igawdu tisħiħ fil-kwalità u s-sigurtà tas-servizz.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet imnedija mill-Malta Digital Innovation Authority (MDIA).

Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-ewwel proġett huwa mmexxi mid-Dipartiment tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija. Dan se jara li d-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti uffiċjali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà industrijali (trademarks, disinji, patents) ikunu rreġistrati fuq networks diġitali protetti. B’hekk, l-iżviluppatur ikollu rasu mistrieħa li l-ownership, it-titlu u l-valur kummerċjali ta’ dik l-idea jkunu tiegħu biss. Din is-sistema twassal biex ir-rekords oriġinali jkunu dejjem fil-pussess tas-sid li jkun jista’ jikkontrolla kif jintużaw.

Il-Ministru qal li t-tieni proġett jirrigwardja proposta li qed tiġi mmexxija mill-Ministeru għal Għawdex, u spjega li l-gżira Għawdxija hija magħrufa għall-prodotti ġenwini magħmula f’Għawdex stess. Permezz ta’ dan il-proġett, li qed isir permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-MDIA, bl-użu tal-blockchain, il-prodott Għawdxi ser ikun stampat b’mod diġitali matul iċ-ċiklu tal-manifattura tiegħu u b’hekk il-proċess ikun dokumentat fis-sistema. L-informazzjoni kollha ser tkun iċċertifikata b’mod diġitali billi tkun marbuta ma’ tikketti jew stickers fiżiċi li jinġarru mill-prodotti nfushom. Meta l-konsumatur jiskennja l-QR Code tal-prodott permezz ta’ smartphone, jirċievi prova u assigurazzjoni li l-prodott verament ġie magħmul f’Għawdex, u li ma kienx hemm xi forma ta’ falsifikazzjoni.

It-tielet proġett ser jara t-tisħiħ tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz tal-blockchain. Il-Ministru Silvio Schembri spjega li ser jissaħħaħ il-livell ta’ sigurtà għal dokumenti tant sensittivi. Huwa kompla jgħid li dan ser itejjeb il-proċess ta’ trasparenza, għaliex jekk ikun hemm tibdil fl-informazzjoni fis-sistema tad-data tal-Awtorità tal-Ippjanar, din il-bidla tiġi mmarkata minħabba li jkun hemm nuqqas ta’ qbil f’dak li ġie rreġistrat fis-sistema tal-blockchain pubblika.

Il-Ministru Schembri spjega li l-blockchain, għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed jista’ jaħseb, jmur oltre mill-cryptocurrencies. Il-blockchain hija teknoloġija li tista’ tintuża f’ħafna aspetti, kif qed naraw permezz ta’ dawn it-tliet servizzi ġodda. Il-blockchain innifisha hija teknoloġija li permezz tal-mod ta’ kif  hi mibnija toffri sigurtà, iktar effiċjenza, viżibilità u immutabilità – li jfisser li t-tranżazzjonijiet li jkunu rreġistrati fuq il-blockchain ma jkunux jistgħu jiġu mbagħbsa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat qal li, “Permezz ta’ din is-sejħa pubblika għat-tħaddim tal-proposti mħabbra llum qed naraw kif qed ikompli jikber l-għarfien dwar il-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji innovattivi u emerġenti”.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com