Il-Pulizija Tinnutah Iħabbat, Fetħet Anzjana U Arrestawh – Wettaq Sensiela Ta’ Serq Fuq Anzjani

 Il-Pulizija Tinnutah Iħabbat, Fetħet Anzjana U Arrestawh – Wettaq Sensiela Ta’ Serq Fuq Anzjani

Raġel ta’ 40 sena, li wettaq mill-inqas sitt serqiet fuq anzjani li l-età tagħhom hija bejn it-52 sena u l-95 sena, ġie arrestat wara jiem ta’ investigazzjonijiet milll-Iskwada tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, assistita mis-Central Intelligence & Analysis Unit.

Mill-investigazzjonijet illi saru rriżulta li r-raġel kien imur iħabbat f’residenzi fejn jgħixu anzjani u jgħidilhom li kien qiegħed jiġbor xi flus għall-missjoni jew qieghed ibiegħ biljetti tal-lotterija li jitilgħu mal-prima. Imbagħad, kif l-anzjani jidħlu ġewwa biex ituh il-flus, dan jisraqhom.

Irriżulta li r-raġel, li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat mill-vittmi, allegatament wettaq isserqiet fl-aħħar xhur fil-Mosta, fl-Imġarr, f’Birkirkara u fil-Mellieħa. L-investigazzjonijiet issoktaw ilbieraħ filgħodu, bil-pulizija tidentifika li r-raġel li kien il-Mellieħa u hemmhekk innutawh iħabbat fuq residenza u fetħet anzjana.

Immedjatament huwa ġie arrestat u aktar tard saret tfittxija f’residenza f’Ħaż-Żabbar fejn instabu xi oġġetti relatati mal-każijiet ta’ qabel.

L-Ispettur Lydon Zammit, wieħed mill-uffiċjali investigaturi f’dan il-każ qal li “m’aħniex neskludu li twettqu iktar serqiet simili, li iżda ma ġewx irrapportati lill-Pulizija. L-appell tagħna huwa biex min kien vittma, speċjalment anzjani, u li fl-aħħar ġimgħat persuna ħabtitilhom il-bieb biex tbiegħilhom biljetti tal-lotterija, iżda m’għamlux rapport lill-pulizija, għandu jċempel fuq in-numru 119 jew imur jagħmel rapport fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.”

Il-persuna arrestata qiegħed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com