Id-Dumnikani Maltin Ifakkru L-25 Sena Mill-Wasla Tagħhom Fl-Albanija

 Id-Dumnikani Maltin Ifakkru L-25 Sena Mill-Wasla Tagħhom Fl-Albanija

Biex jitfakkaru l-25 sena mill-wasla tal-missjunarji Dumnikani Maltin fl-Albanija, nhar il-Ħadd 7 ta’ Novembru 2021 l-Arċisqof Dumnikan Malti ta’ Tiranë-Durrës flAlbanija, Mons. George Frendo OP, mexxa pontifikal solenni fil-Parroċċa ta’ San Duminku, immexxija mid-Dumnikani Maltin, ġewwa Durrës. Għal din il-quddiesa kien hemm preżenti ukoll Mons. Giovanni Peragine, Isqof tan-nofsinhar tal-Albanija, ilProvinċja tal-Provinċja Dumnikana Maltija P. Vince Micallef OP, il-komunità tal-Patrijiet Dumnikani Maltin fl-Albanija, u xi membri oħra tal-Provinċja Dumnikana Maltija.

Ftit qabel il-bidu tal-pontifikal xi żgħażagħ tal-parroċċa imħejjija tajjeb minn żewġ sorijiet Dumnikani tal-Beata Imelda, li jagħtu sehemhom fil-ħidma pastorali taż-żewġ parroċċi msemmija, tellgħu rappreżentazzjoni li biha wrew l-aħħar żmien tal-ħajja ta’ San Duminku.

Fi tmiem il-pontifikal sar it-tberik tar-relikwarju l-ġdid ta’ San Duminku li ġie skolpit fl-injam minn skultur żagħżugħ lokali. Dan il-mument ta’ talb quddiem ir-relikwa ta’ missierna ntemm bit-talba tal-ġublew li qed jiġi ċċelebrat din is-sena fl-okkażjoni tat-800 sena mill-mewt ta’ San Duminku, fundatur tal-Ordni Dumnikan. Wara tkantat l-O Spem Miram kantata mill-kor fuq mużika ta’ Charles Gounod.

Il-preżenza Dumnikana fl-Albanija tmur lura sal-1240. F’dawn l-ewwel snin tal-Ordni, d-Dumnikani kienu diġà jwettqu ħidma sfieqa mal-Kumani, kif xtaq li jagħmel San Duminku nnifsu. Din il-preżenza kellha tintemm lejn tmiem is-seklu 15, minħabba linvażjoni tal-Imperu Ottoman.

Fl-1996 id-Dumnikani reġgħu bdew il-ħidma tagħhom wara aktar minn 400 sena, meta d-Dumnikani Maltin fetħu l-ewwel dar tagħhom f’ Sukth. Illum il-patrijiet jamministraw żewġ parroċċi u diversi ċentri pastorali oħra.

Awguri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com