Għandek Idea Brillanti Biex Tibda Negozju Ġdid? – Issa Huwa Ċ-Ċans Tiegħek…
Ilbieraħ waqt l-Istart-up Festival ġie mniedi proġett televiżiv ġdid f’Malta. ‘Shark Tank’ huwa reality show ġdid li se jixxandar mis-sena d-dieħla fuq TVM.
Dan huwa programm fejn persuni jkollhom idea dwar negozju ġdid li jkunu jixtiequ jibdew, fejn eventwalment huma jippruvaw jikkonvinċi grupp ta’ persuni, imsejħin Sharks sabiex jinvestu fl-idea tagħhom b’mod finanzjarju sabiex tkun tista’ tirnexxi, bil-possibbiltà li x-Sharks jkunu jistgħu jieħdu l-frott mill-investiment.
Din il-programm se jittella’ minn Greatt Company Limited li ħabbret kif b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise se ġġib dan ir-reality show popolari f’pajjiżna, li se jibda jixxandar minn April li ġej.
F’messaġġ dalgħodu fuq il-mezzi soċjali Mark Grech qal kif huwa flimkien ma’ Anton Attard bdew jaħdmu fuq dan il-proġett propju waqt il-pandemija, hekk kif f’dan iż-żmien wieħed seta’ jara diversi persuni joħorġu b’ideat ġodda għan-negozju tagħhom sabiex jattiraw aktar attenzjoni.
“L-aktar ħaġa naturali li kellna nagħmlu kienet li ngħaqdu dak li nafu mal-udjenza, u b’hekk in-nies jingħataw l-opportunità li juru l-proġett tagħhom fuq it-televiżjoni quddiem ix-Sharks biċ-ċans li jingħataw il-kapital biex jaħdmu u jwettqu l-proġett,” tenna Mark Grech fil-kitba tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li huma jistgħu jkunu l-ewwel kuntatt għal dawk li jixtiequ jiftħu negozju u ddeskriva x-Shark Tank bħala opportunità perfetta għall-istart-ups.
Dawk li għandhom idea ta’ negozju jistgħu jikkuntattjaw lill-organizzaturi fuq www.sharktank.mt.
Awguri!