Imut F’Malta Il-Gran Mastru Emeritus Fra Matthew Festing Li Rriżenja Fl-2017 Wara Kontroversja Dwar Il-Kontraċettivi

 Imut F’Malta Il-Gran Mastru Emeritus Fra Matthew Festing Li Rriżenja Fl-2017 Wara Kontroversja Dwar Il-Kontraċettivi

L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ħabbar il-mewt tad-79 Gran Mastru, Fra Matthew Festing fl-età ta’ 71 sena.

Fi stqarrija ntqal li huwa miet f’Malta wara li l-ġimgħa l-oħra attenda għaċ-ċerimonja tal-Kavallier Francis Vassallo fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Ftit wara hu ħassu ma jiflaħx u ddaħħal l-isptar, bil-qagħda tiegħu kienet deskritta bħala serja.

Robert Matthew Festing twieled l-Ingilterra fl-1949 u sar membru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta fl-1977. Festing kien Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta mill-2008 iżda kien kostrett jirriżenja fil-bidu tal-2017, wara tilwima mal-Vatikan u l-Papa. Dan fuq kwistjoni li l-Ordni qassam kontraċettivi u mediċini meqjusa abortivi f’pajjiżi fqar.

Dan il-każ kien qajjem kriżi fl-Ordni minħabba li dan jirrispondi dirett lejn il-Papa u f’għajnejn uħud twettaq att li jmur kontra d-duttrina tal-Knisja Kattolika.

Matul it-tmexxija tiegħu tal-Ordni huwa vjaġġa lejn il-ħames kontinenti biex saħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Il-President ta’ Malta sellem il-memorja tiegħu u fakkar fiż-żjara uffiċjali li għamel f’Malta fl-2016, li matulha kien akkumpanjah uffiċjalment.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com