Aktar Minn 70 Biċċa Arti Ħa Tkun Irkantata B’Risq Il-Malta Community Chest Fund Foundation
Bħala parti mill-isforzi biex ipattu għan-nuqqas ta’ dħul ta’ fondi li sofriet il-Malta Community Chest Fund Foundation (l-MCCFF) matul l-aħħar sena u nofs minħabba l-pandemija tal-COVID-19, se jsir irkant tal-arti onlajn minn nhar it-Tnejn 15 ta’ Novembru sal-Ħadd 28 ta’ Novembru 2021.
Fi stqarrija ntqal li l-pubbliku se jkollu l-opportunità jagħmel offerta, fuq artsauction.mt, għal madwar 70 biċċa xogħol tal-arti li jvarjaw fil-ġeneru u fit-tema u li jinkludu pitturi, skulturi, materjal stampat, u ritratti. Dawn ix-xogħlijiet ġew sottomessi minn ‘il fuq minn 50 artist li jew huma Maltin jew għandhom rabta ma’ Malta.
Il-missjoni tal-MCCFF hija li tipprovdi appoġġ finanzjarju, materjali u professjonali lill-membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Is-servizzi li toffri l-Fondazzjoni jinkludu l-ħlas għal trattamenti kontra l-kanċer kif ukoll għal mediċini speċifiċi għall-kanċer, l-iffinanzjar ta’ residenzi għall-ġenituri ta’ tfal li jkunu qegħdin jirċievu trattament barra minn Malta, il-provvediment ta’ vouchers tal-ikel, u servizzi oħra essenzjali għal għajxien dinjituż u biex itaffu t-tbatija materjali u psikoloġika. L-ispiża tagħha għall-għajnuna finanzjarja tammonta għal madwar €1.4m fix-xahar.
L-irkant tal-arti online qed jiġi organizzat minn kumitat apposta u huwa kkurat minn Melanie Erixon.