Mons. Victor Grech Rebbieħ Tal-Premju Anzjanità Attiva 2021
Ilbieraħ filgħaxija tħabbru uffiċjalment ir-rebbieħa tal-Premju Anzjanità Attiva 2021.
Il-Premju Anzjanità Attiva huwa ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-Anzjanità Attiva. Dan huwa avveniment annwali ddedikat għall-anzjani, li matulu din is-sena ngħataw ħames premjijiet.
Ir-rebbieħa ta’ kull premju huma:
Premju Anzjanità Attiva – il-Mons. Victor Grech
Premju Anzjanità Sportiva – is-Sur Mario Meli
Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali – is-Sur Anthony Darmanin
Premju Anzjanità Akkademika – is-Sur Publio Agius
Premju Anzjanità Kulturali – is-Sur Albert Marshall
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia faħħar id-dedikazzjoni ta’ persuni u individwi li, grazzi għall-impenn tagħhom, jagħmlu differenza fil-ħajja mhux biss ta’ anzjani oħra imma wkoll fil-komunità u persuni oħrajn ta’ kull età. Huwa qal li kull persuna ħaqqha tkun ippremjata għall-ġid li tagħmel, waqt li ħeġġeġ biex aktar anzjani, speċjalment nisa, jipparteċipaw f’attivitajiet u inizjattivi li jgħinuhom jibqgħu attivi fis-soċjetà u biex ikomplu jgħinu lil ta’ madwarhom.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella qal li, “Ir-rispett, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs huma l-ingredjenti ewlenin li matul iż-żmien komplew isaħħu l-importanza tal-anzjanità attiva u l-bżonn li bħala pajjiż ma nitilfux il-minjiera ta’ talent u għerf li dawn in-nies jistgħu u jixtiequ jgħaddu lis-soċjetà.”
Il-President żied jgħid li l-anzjani għandhom isemmgħu leħinhom fuq dawk l-aspetti tal-ħajja u l-ambjent ta’ madwarhom li jħossu li qed ikunu ta’ ħsara għalihom jew għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Filwaqt li feraħ lir-rebbieħa kollha, il-President stqarr li l-anzjani jistgħu jkunu katalisti favur soċjetà aktar ħanina, inklussiva u fuq kollox sostenibbli.
Ritratti: DOI