“Studenti Tal-MCAST Għadhom Qed Jistennew l-Istipendji Tagħhom…Din Hija Problema Ta’ Kull Sena” – Ivan Castillo
“Studenti li bdew aktar minn xahar ilu għadhom fid-dlam wara li ma rċevewx il-grants, u l-istipendji tagħhom għadhom ma waslux.” Hekk kiteb il-Kandidat tal-PN, Ivan Castillo wara li rċieva messaġġ mingħand student li jattendi fl-MCAST fejn tkellem miegħu dwar din il-problema ta’ “kull sena”.
Castillo qal li rridu napprezzaw li ħafna minn dawn l-istudenti huma dipendenti fuq dan biex jkomplu bl-istudji tagħhom. “Din hija s-sitwazzjoni ta’ diqa ta’ ħafna familji llum!!”
Ivan Castillo fil-kitba tiegħu fuq il-mezzi soċjali qal li jidher li din il-kwistjoni ġejja minn nuqqas ta’ ħaddiema. “Eluf ta’ impjiegi ġodda mal-Gvern iżda xejn f’oqsma li jeħtieġu l-aktar attenzjoni. Nuqqas sħiħ ta’ viżjoni,” saħaq Castillo.
Huwa kompla jgħid li l-istudenti jkollhom jerġgħu japplikaw għall-istess għotja sena wara l-oħra, meta l-informazzjoni diġà tkun f’idejn id-Dipartiment. “Jkomplu jżidu l-burokrazija fil-burokrazija li diġà hemm, li kienet imwiegħda li titnaqqas.”
“Umbagħad nistaqsu għaliex Malta qiegħda fuq quddiem f’dawk li jitilqu mill-iskola kmieni fl-Ewropa!” temm jgħid Ivan Castillo.