Baby Box Bi Prodotti Sostenibbli Għal Kull Wild Li Jitwieled Minn Nhar It-Tnejn Li Ġej

 Baby Box Bi Prodotti Sostenibbli Għal Kull Wild Li Jitwieled Minn Nhar It-Tnejn Li Ġej

Baby box bi prodotti sostenibbli se titqassam mar-reġistrazzjoni ta’ kull wild minn nhar it-Tnejn li ġej ‘l quddiem.

Il-baby box tinkludi għaxar prodotti li jintużaw għat-trabi, bħal gverta magħmula mill-bamboo, reusable nappy u tote bag magħmul minn fliexken tal-plastik riċiklati, feeding bib, teether, kalzetti u mittens.

It-tema magħżula hija ‘You Hold Their Future’ għax biex jitrawwem stil ta’ ħajja sostenibbli, is-sostenibbiltà trid tkun parti mill-ħajja ta’ kull individwu sa mit-twelid.

Permezz tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, dan il-proġett pilota fuq medda ta’ tliet xhur se jkun qed jiġi evantwalment estiż kif imħabbar fid-diskors tal-Budget għas-sena 2022.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt it-tnedija tal-Baby Box fiċ-childcare Lil’Ville.

“Permezz ta’ din il-baby box, nixtiequ nrawwmu kultura ta’ ħajja sostenibbli fid-djar tagħna. Nafu wkoll li mhux kulħadd għandu aċċess għal dawn il-prodotti jew l-għarfien dwarhom. Għalhekk qed nagħmlu l-ewwel pass aħna biex ngħinu nkattru l-għarfien u nintroduċu liċ-ċittadini tagħna, fil-mumenti differenti tal-ħajja tagħhom, għal kif ħajja sostenibbli hija tassew possibbli. Permezz ta’ inizjattivi u miżuri differenti qed nilħqu lill-familji, lill-istudenti, iż-żgħażagħ u l-intrapriżi,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Għalhekk l-appell tiegħi huwa wieħed, irridu naħdmu lkoll flimkien id f’id sabiex nersqu lejn żvilupp sostenibbli ekonomiku, soċjali u ambjentali,” ikkonkludiet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li s-sehem loġistiku ta’ Identity Malta fit-tqassim ta’ dawn il-kaxxi huwa eżempju ieħor ta’ kif din l-aġenzija qed tiffaċilita ħajjet in-nies. Fakkar li t-tqassim se jsir minn Identity Malta għax din l-aġenzija għandha uffiċċju f’Mater Dei, fejn wieħed jista’ jirreġistra t-tarbija mill-isptar stess, mingħajr ma jirrikorri bnadi oħra.

“Din l-attitudni ta’ effiċjenza issa qed tkompli tissaħħaħ bil-kunċett ta’ baby box, biex il-klijenti tagħna jkunu nqdew fil-pront u fl-istess ħin ikunu introdotti għal stil ta’ ħajja sostenibbli mal-introduzzjoni ta’ membru ġdid fil-familja tagħhom,” qal is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.

Żied jgħid li l-aġenzija hija impenjata li tippromwovi ħajja sostenibbli bil-prattiċi interni tagħha. Infatti, ħafna mis-servizzi li toffri issa saru paperless.

Din l-inizjattiva tolqot primarjament żewġ miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, li huma ekonomija sostenibbli, u produzzjoni u konsum sostenibbli.

Il-Baby Box tista’ tinġabar mill-uffiċini ta’ Identity Malta fl-Isptar Mater Dei jew fil-Marsa u mill-Uffiċċju tar-Reġistru f’Għawdex meta ssir ir-reġistrazzjoni tat-tarbija.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com