Titnieda L-Ewwel National Open Access Policy Għall-Konsultazzjoni Pubblika

 Titnieda L-Ewwel National Open Access Policy Għall-Konsultazzjoni Pubblika

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici nieda abbozz ta’ National Open Access Policy għall-konsultazzjoni pubblika, f’attività li saret f’Villa Bighi.

Il-Ministru Bonnici qal li; “Riċerka li twassal għal innovazzjoni, u għalhekk għal tkabbir ekonomiku, jeħtieġ li tiġi inkoraġġuta. Li jkollok aċċess eħfef għal informazzjoni xjentifika, ċirkolazzjoni aħjar ta’ għarfien u data ta’ riċerka ġestita aħjar, kif stipulat fl-Open Access Policy, żgur li se jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku bbażat fuq attivitajiet ta’ negozju intensivi fl-għarfien u b’valur miżjud.”

Huwa fakkar li b’din il-politika qed titwettaq miżura fi ħdan il-Manifest Elettorali tal-2017, li identifika l-ħtieġa li jiġi appoġġjat tixrid usa’ tar-riżultati tar-riċerka, sabiex Malta tiġi allinjata mal-iżviluppi tal-Unjoni Ewropea dwar open science.

L-open science tirrappreżenta approċċ ġdid għall-proċess xjentifiku u ġġib bidla sistematika fil-mod kif saret ir-riċerka għal dawn l-aħħar ħamsin sena. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq modi ġodda ta’ tixrid ta’ għarfien xjentifiku, permezz ta’ ħidma kollaborattiva  ffaċilitata b’użu aħjar tat-teknoloġiji diġitali. L-open science ttejjeb il-ftuħ tal-forom kollha ta’ riżultati fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tar-riċerka, b’enfasi partikolari fuq aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet u data ta’ riċerka miftuħa.

Fil-fatt, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST Dr Jeffrey Pullicino Orlando, waqt l-indirizz tal-ftuħ tiegħu, qal li, “Permezz tal-open access, ir-riċerkaturi mhux biss se jtejbu l-kwalità tar-riċerka permezz ta’ riproduċibbiltà aħjar, iżda se jżidu wkoll il-viżibbiltà tar-riċerka lokali madwar l-UE u internazzjonalment.” Iktar minn hekk, stqarr li, “Kburi ngħid li l-Kunsill dejjem kien favur l-inklussività, li ntweriet ukoll fil-mod kif wettaqna l-iżvilupp ta’ din il-politika. Il-Kunsill ħadem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati lokali rilevanti kollha, u fittex il-parir ta’ esperti nazzjonali, biex fl-aħħar mill-aħħar fassal politika nazzjonali bil-potenzjal li tipprovdi vantaġġ ċar għal Malta bħala stat membru tal-UE li jħares ‘il quddiem.”

L-abbozz tal-politika jista’ jiġi aċċessat minn dan il-link, u kwalunkwe kumment u feedback jistgħu jintbagħtu lil [email protected] sal-21 ta’ Novembru 2021.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com