Inawgurat Xogħol Ta’ Rinovazzjoni Fil-Kwartieri Tal-Imtarfa Scouts
Waqt żjara fil-lokalità tal-Imtarfa, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura x-xogħlijiet ta’ rinovazzjoni li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u mill-aġenzija Infrastructure Malta fil-kwartieri tal-Imtarfa Scouts.
Il-Ministru Ian Borg saħaq dwar l-importanza ta’ dawn l-għaqdiet li jagħmlu tant ġid u li huma spazji kemm ta’ rikreazzjoni kif ukoll ta’ edukazzjoni għaż-żgħażagħ tagħna. Huwa qal li għalhekk bix-xieraq li jingħatalhom l-aqwa ambjent u sigurtà possibbli.
“Bħalma għamilna anka f’interventi oħra fosthom xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fil-kwartieri ta’ Żebbuġ Scouts Group u dawk ta’ Ħad Dingli llum qed ninawguraw ħidma li saret għall-għaqda tal-iscouts tal-Imtarfa. Pero aktar minn hekk l-investiment huwa fil-komunità tal-Imtarfa. Dan il-gvern qed iżomm kelmtu u se jibqa’ kommess li jinvesti fil-komunitajiet tant għal qalbu. Din il-ħidma fil-komunitajiet qed tidher biċ-ċar f’diversi inizjattivi li qegħdin nieħdu, minn kull proġett li qed iwettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sal-investiment kollha li qed jitwettaq minn Infrastructure Malta madwar il-pajjiż. U għalhekk aktar minn hekk ninsabu impenjati li nkomplu nagħmlu differenza pożittiva favur kwalità tal-ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha”, qal il-Ministru Ian Borg.
Bħala parti minn dan il-proġett tħawlu numru ta’ siġar taż-żebbuġ u ammont konsiderevoli ta’ arbuxelli fil-bitħa u fil-camping area li ġew mogħtija mill-aġenzija Infrastructure Malta.
Ix-xogħlijiet li saru jinkludu t-tibdil tad-dwal ta’ barra, rinovar ta’ faċilitajiet sanitarji, madum ġdid, xogħol ta’ plumbing, xogħljiet ta’ water culverts u fejn għaddejjin is-servizzi, installar ta’ panelli fotovoltajiċi ġodda, u xogħol ta’ aluminium.