Ippubblikati L-Avviżi Legali L-Ġodda Għall-Ġbir Pubbliku U L-Ħwienet Tal-Karità
Wara xhur ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u mal-organizzazzjonijiet volontarji u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) ħabbar li ġew approvati u ppubblikati l-emendi tal-Avviżi Legali dwar il-Ġbir Pubbliku u l-Ħwienet tal-Karità. L-Avviżi Legali preċedenti ġew irtirati filwaqt li ż-żewġ Avviżi Legali l-ġodda se jidħlu fis-seħħ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Jannar 2022.
Fi kliem il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba, dan l-eżerċizzju kollaborattiv li sar matul dawn l-aħħar xhur, bejn l-OCVO, l-MCVS u l-istakeholders ewlenin kollha fi ħdan is-settur tal-volontarjat juri li l-volontarjat f’Malta huwa tassew rikonoxxut bħala pilastru fundamentali tas-soċjetà Maltija.
Min-naħa tiegħu, Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, saħaq li dan l-eżerċizzju wera kemm verament il-Gvern jħares lejn il-volontarjat u l-għaqdiet volontarji bi stima liema bħalha. “Flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Kunsill għas-Settur Volontarju, Il-Gvern sema’ u ta widen għal dak li kellhom xi jgħidu l-għaqdiet volontarji, tant li llum qed naraw leġiżlazzjonijiet ġodda, mibnija fuq l-ideat tal-għaqdiet volontarji nfushom.” Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lil dawk kollha nvoluti u saħaq li hu jħares ‘il quddiem biex jkollna settur volontarju aktar b’saħħtu u ssalvagwardjat.
Fid-dawl ta’ dan l-avvanz importanti, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-istakeholders kollha li għamluha possibbli biex dawn l-Avviżi Legali jiġu emendati u issa se jkunu qed jirriflettu tassew il-bżonnijiet tal-Organizzazzjonijiet Volontarji fir-rigward tal-ġbir pubbliku u l-ħwienet tal-karità. “Huwa tassew eċċitanti li nara lill-partijiet interessati kollha fis-settur volontarju jaħdmu b’mod koeżiv biex jissalvagwardjaw u jsaħħu s-settur volontarju kontra dawk li jridu jieħdu vantaġġ mill-vulnerabilità ta’ dan is-settur.” Saliba faħħar ukoll is-sinerġija bejn l-Uffiċċju tiegħu u l-MCVS u jieħu din l-opportunità biex jirringrazzja lill-Kunsill għall-kooperazzjoni tiegħu u jistenna bil-ħerqa li kontinwament isaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
Intant, l-MCVS b’sodisfazzjon jinnota li wara l-intervent tal-istess Kunsill kmieni din is-sena u l-konsultazzjoni li saret mas-settur, ir-regolamenti ġew riveduti u issa se jkunu jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet tal-istess settur filwaqt li jiggarantixxu trasparenza u kontabilitá. Dan seta’ jseħħ wara l-ħidma tal-istess Kunsill f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kummissarju tal-Volontarjat, Jesmond Saliba. Din il-kollaborazzjoni tawgura tajjeb għall-futur fl-interess aħħari tal-istess settur tal-volontarjat.
Fir-rigward tal-Ġbir Pubbliku, filwaqt li qabel l-VOs kellhom jinnotifikaw lill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji qabel jorganizzaw ġabra pubblika, issa, bl-emendi l-ġodda, VO iskritta u konformi tista’ torganizza avveniment ta’ ġbir pubbliku mingħajr ma t’innotifika lill-OCVO.
Ġie rikonoxxut mill-maġġoranza tal-VOs li meta jorganizzaw ġabra pubblika, huwa importanti li l-amministraturi jew il-kolletturi jkollhom tag li telenka l-isem u l-kunjom, in-numru tal-karta tal-identità, ritratt tad-daqs tal-passaport tal-kollettur u l-isem u n-numru tal-VO speċifiku. Madankollu, kien maqbul li din it-tag għandha tinħareġ mill-VOs u mhux mill-OCVO. Notevolment, il-validità tat-tag ġiet emendata minn 6 xhur għal sena.
L-istess kunċett kien maqbul għall-laned tal-ġbir pubbliku, fejn l-VOs huma ħielsa li jipprovdu lill-kolletturi tagħhom laned issiġillati. Dawn imbagħad għandhom jinfetħu quddiem mill-inqas żewġ amministraturi mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm professjonist b’warrant preżenti waqt dan il-proċess.
Waħda mill-aktar bidliet sinifikanti fi ħdan l-Avviż Legali tal-Ħwienet tal-Karità hija li ħanut tal-karità jrid ikollu l-kliem “ħanut tal-karità” kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż ġewwa l-post u mhux fuq il-faċċata tal-ħanut. B’mod identiku għall-emenda fl-Avviż Legali dwar il-Ġbir Pubbliku, it-tags għandhom jinħarġu lill-persuni responsabbli ġewwa l-ħanut tal-karità mill-VO u mhux mill-OCVO.
L-OCVO itenni li dawn l-Avviżi Legali ġew emendati u mibnija mill-Organizzazzjonijiet Volontarji nfushom u għalhekk l-għan aħħari ta’ dawn l-Avviżi Legali huwa li jissalvagwardjaw u jsaħħu l-Organizzazzjonijiet Volontarji u s-settur volontarju inġenerali.
Indubjament, l-iskop tal-OCVO huwa li jistimula l-element soċjoekonomiku tal-VOs filwaqt li jiġi żgurat li l-VOs ikollhom l-għodod meħtieġa ta’ governanza tajba biex jikkonservaw ix-xogħol li jagħmlu eluf ta’ amministraturi għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Legiżlazzjonijiet il-ġodda jistgħu jinstabu f’dawn il-links; https://legislation.mt/eli/sl/492.3/mlt (Avviz Legali – Ġbir Pubbliku) u https://legislation.mt/eli/sl/492.4/mlt (Avviż Legali – Ħwienet tal-Karità).