Anthony De Bono Jirċievi L-Unur Ġieħ San Ġiljan

 Anthony De Bono Jirċievi L-Unur Ġieħ San Ġiljan

L-Ambaxxatur Emeritu Anthony De Bono ġie onorat b’Ġieħ San Ġiljan. Is-Sindku Albert Buttigieg ippreżenta midalja, plakka kommemorattiva u parċmina lis-Sur De Bono, flimkien ma’ residenti oħra ta’ San Ġiljan minn oqsma kulturali, kummerċjali, filantropiċi u soċjali, waqt ċerimonja li saret fis-sala tal-ballijiet tal-Lukanda Marriot, San Ġiljan.

Fid-diskors qasir tiegħu, is-Sur Buttigieg ħeġġeġ ċittadinanza attiva u ikkwota John F. Kennedy: “Issaqsix dak li l-Istat jista’ jagħmel għalik, iżda dak li inti tista’ tagħmel għall-Istat.” Irringrazzjahom kollha għall-kontribut tagħhom lejn is-soċjetà u ħeġġeġ dawk preżenti ikunu “bennejja ta’ Malta aħjar”.

Is-Sur De Bono, li għex għal dawn l-aħħar 40 sena ġewwa San Ġiljan, kellu karriera twila u distinta kemm fis-Servizz Pubbliku u dak parastatali, apparti minn karigi importanti internazzjonali u diplomatiċi.

Għal 12-il sena kien iċ-Chief of Staff ta’ tlett Ministri. Fost il-kisbiet f’dan il-perjodu kien hemm l-iżvilupp u l-immodernizzar tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa, u l-istituzzjonalizzazzjoni statutorja tal-iskemi tal-irtirar tal-Pensjoni tal-Ħaddiema tal-Port u l-wirt tal-Liċenzja.

Ġie appuntat Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Telemalta għal 14-il sena mill-1983, meta ħadem mill-uffiċċju tiegħu f’Pender Place, ġewwa San Ġiljan, biex jimmodernizza l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni fil-pajjiż. Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li qalbet is-sistemi tat-Telekommunikazzjoni għal mija fil-mija diġitali u b’hekk intgħażlet bħala ‘Role Model’ fl-Iżvilupp tat-Telekomunikazzjoni f’ konferenza f’Buenos Aires, l-Arġentina.

Kemm is-servizz tal-mobile u dak tal-internet daħlu fil-pajjiż fi żmienu. Internazzjonalment, kien Chairman tal-Organizzazzjoni tat-Telekomunikazzjoni tal-Commonwealth, li issa tawh il-kariga ta’ Ambaxxatur Perpetwu, u huwa ċ-Chairman tal-Istitut tat-Tmexxija Eżekuttiva fit-Telekomunikazzjoni tal-Kanada (TEMIC) Kapitlu tal-Ewropa, l-Ilvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

Kien elett għal sentejn bħala President tal-Kummissjoni Ewropeja tal-Posta u Telekomunikazzjoni u kien Chairman tal-ikbar lobby tal-industrija, l-Operaturi ta’ Networks tat-Telekomunikazzjoni tal-Ewropa.

Tax-xogħol kollu li għamel fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u lejn il-Union Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn għal 15-il sena kien il-mibgħut speċjali ta’ Malta, is-Sur De Bono irċieva rikonoxximent internazzjonali mingħand l-ITU fl-2019 ġewwa l-Palazz ta’ San Anton fil-presenza tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dr George Vella u l-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici.

Apparti li serva bħala konsulent lil numru ta’ ministri, kien Deputat Chairman u Chairman ta’ Maltapost u Emissarju Speċjali f’konvenzjonijiet internazzjonali, qabel ma nħatar l-Ambaxxatur ta’ Malta lejn ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għal tlett snin.

Kien membru fundatur tal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu u kisba ewlenija kienet it-twaqqif tal-ewwel kors tal-BA fil-Ġurnaliżmu f’Malta. Kellu ħafna karigi fid-dinja tal-isports nazzjonali u internazzjonali. Bħal issa huwa chairman ta’ żewġ gruppi ta’ kumpaniji privati b’interessi fit-telematika u sussidjarji f’erba’ kontinenti.

L-avveniment ta’ Ġieħ San Ġiljan kien ippreżentat mid-Deputat Sindku ta’ San Ġiljan Clayton Luke Mula.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com