Ippreżentati L-Istudji Tal-Metro Lill-Kummissjoni Ewropea

 Ippreżentati L-Istudji Tal-Metro Lill-Kummissjoni Ewropea

Waqt li kien qiegħed fi Brussell, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ippreżenta lill-Kummissarju Ewropew Adina Vălean l-istudji li ġew ikkummissjonati għall-Gvern Malti fejn jidħol it-trasport tal-massa.

Il-Ministru Ian Borg spjega li f’dawn l-aħħar snin matul din il-leġiżlatura, il-Gvern Malti kien wiegħed lill-poplu li se jkun qed jibda jistudja l-possibbiltà li għall-ewwel darba pajjiżna jkollu trasport tal-massa. Huwa qal li l-gvern qabbad lill-esperti fis-suġġett ARUP sabiex jistudjaw liem huwa l-aħjar mezz ta’ trasport tal-massa għal Malta, u dawn għażlu l-metro.

Ian Borg spjega li bħalissa f’Malta għaddejja diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett li permezz tagħha l-gvern fiż-żmien li ġej se jkun qed jieħu d-deċiżjoni dwar it-triq ‘il quddiem.

“Ippreżentajna pjan konkret lill-poplu tagħna, issa bħala gvern qed nisimgħu x’inhuma jgħidu n-nies u anke l-organizzazzjonijiet dwar is-suġġett. L-għan tagħna huwa li l-konsultazzjoni tkun waħda miftuħa u li kulħadd imexxi ‘l quddiem il-ħsibijiet tiegħu sabiex naraw verament lejn fejn irridu nieħdu lill-pajjiżna fis-snin li ġejjin fejn jidħol it-trasport fuq l-art”, qal il-Ministru Borg.

B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Adina Vălean spjegat li l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon dan l-istudju għall-fatt li jidher biċ-ċar li l-Gvern Malti qed jesplora l-possibbiltajiet kollha biex ikompli jagħmel is-settur tat-trasport aktar sostenibbli. Il-Kummissarju Vălean ukoll idduskutiet mad-delegazzjoni Maltija x-xogħol li qed isir mill-awtoritajiet Maltin biex jiġi inċentivat l-użu ta’ vetturi elettriċi u t-trasport alternattiv, fosthom dak bil-baħar.

Matul din l-istess laqgħa ġew diskussi suġġetti oħra bħal xogħol infrastrutturali li qed isir f’Malta u l-impenn ta’ Malta fis-setturi tat-trasport bil-baħar u bl-arju.

Fi Brussell il-Ministru Ian Borg u d-delegazzjoni Maltija ltaqgħu wkoll mal-European Autombile Manufacturers Assocation, il-European Business Aviation Association, u l-European Community Shipowners’ Association.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com