Nhar Il-Ħadd Li Ġej Se Ssir Ċelebrazzjoni Djoċesana Fil-Festa Ta’ Kristu Re

 Nhar Il-Ħadd Li Ġej Se Ssir Ċelebrazzjoni Djoċesana Fil-Festa Ta’ Kristu Re

Nhar il-Ħadd li ġej, 21 ta’ Novembru 2021, il-Knisja Kattolika ser tiċċelebra l-festa liturġika ta’ Kristu Re. L-Arċisqof Charles Jude Scicluna flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qed jistiednu lill Insara jingħaqdu magħhom għal din iċ-ċelebrazzjoni djoċesana.

Din tibda fil-5:00 p.m. u ser issir fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn tingħad it-talba ta’ filgħaxija (l-għasar). Qabel iċ-ċelebrazzjoni ser ikun hemm servizz ta’ qrar u wara jkun hemm quddiesa. Dakinhar, l-Arċisqof iwassal il-messaġġ tiegħu f’din il-festa importanti għall-Insara u wara jagħti l-barka sagramentali. Matul iċ-ċelebrazzjoni jiġu osservati l-miżuri dwar il-quddies bil-preżenza tan-nies. Iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Fuq xewqa tal-Arċisqof, il-knejjes kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fejn tinżamm l-Ewkaristija se jkunu miftuħa għall-adorazzjoni matul din il-ġimgħa, bi tħejjija għal din il-festa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com