Il-PN Jipproponi Vawċer Ta’ €500 Liż-Żgħażagħ Kollha Biex Jkunu Jistgħu Jsiefru U Jieħdu Esperjenza Barra Minn Malta
Pajjiż li jieqaf jagħti prospettiva liż-żgħażagħ ikun qed jonqos milli jinvesti fil-futur. Gvern ġdid Nazzjonalista jiftaħ l-orizzonti taż-żgħażagħ l-ewwel nett billi jara li jkollna pajjiż aktar ġust fejn l-opportunitajiet ikunu hemm għal kulħadd u t-tieni billi jinvesti b’mod dirett fit-twessiegħ tal-orizzonti taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin fost l-oħrajn billi jagħti vawċer ta’ €500 lil kull żagħżugħ u żagħżugħa minn 16 sa 21 sena.
Dan qaluh illum il-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius flimkien mad-Deputat u Kelliem għaż-Żgħażagħ Karl Gouder u l-Kandidata Bernice Bonello.
Agius sostna li ‘L-PN dejjem emmen fiż-żgħażagħ bħala l-mutur tal-futur. Huma dawn li bl-ideat tagħhom iġeddu u jkabbru l-pajjiż. Huwa ta dieqa li tara li 70% taż-żgħażagħ jixtiequ jitilqu minn Malta – dan huwa att ta’ akkuża fuq il-politika attwali – iż-żgħażagħ mhux jaraw futur, mhux jaraw prospettiva. Għalina dan huwa fatt gravissimu – aħna rridu nagħtu risposta konkreta għal dan.’’
Id-deputat Karl Gouder spjega fid-dettall il-proposta tal-PN li ż-żgħażagħ kollha minn 16 sa 21 sena jingħataw vawċer tal-ivjaġġar fl-Ewropa. ‘Dan biex il-Maltin jiftħu aktar l-orizzonti – jieħdu sensibilita ta’ kulturi u pajjiżi differenti. Dan importanti li jsir ‘across the board’ mas-soċjetà kollha mhux biss minn dawk li jifilħu jħallsu. Huwa għalhekk li l-PN irid jinvesti f’din l-inizjattiva nazzjonali li ssaħħaħ ġenerazzjoni sħiħa. Din hija proposta demokratika – li tagħti aċċess lil kulħadd.’ tenna Karl Gouder
Il-Kelliema spjegaw ukoll il-modalitajiet ta dan il-vawċer ta’ €500 proposti mill-PN fejn żgħażagħ minn 16 sa 18 ikunu fi gruppi ma’ adulti filwaqt li żgħażagħ bejn 18 u 21 sena jistgħu ikunu gruppi ta’ żgħażagħ jew f’safar individwali. L-opportunita tal-vawċer tingħata għal darba waħda fuq iż-żmien kollu fejn żagħżugħ ikollu bejn 16 u 21 u jkun għaldaqstant iż-żagħżugħ/a li t/jgħażel meta t/jużah.
Bernice Bonello spjegat il-potenzjal tal-proposta tal-PN fejn żgħażagħ li jipparteċipaw f’għaqdiet, NGO’s u każini fost l-oħrajn jistgħu jingħaqdu fi gruppi żgħar jew kbar u jorganizzaw safra li tkun tinteressa lil dak is-settur partikolari. ‘Jekk ikunu jipparteċipaw f’NGO jistgħu per eżempju imorru jżuru NGO simili fl-Italja jew il-Ġermanja u jaraw ix-xogħol tagħhom hemm – dan jagħti ispirazzjoni ġdida u jsaħħaħ ix-xogħol ta’ NGO’s hawn Malta. L-istess jekk ikunu każini jew għaqdiet oħra ta’ interess jew hobbies.’ Qalet Bernice Bonello
Il-kelliema spjegaw kif il-proposta tal-PN timmira li filwaqt li tagħti esperjenza individwa li kull żagħżugħ Malti twassal ukoll biex iddaħħal kreattività ġdida go Malta kif ukoll iżżid in-networking tant meħtieġ ma’ pajjiżi Ewropej.