Inawgurat It-Tieni Ċentru Ta’ Matul Il-Jum U L-Lejl Għall-Persuni Bid-Dimensja

 Inawgurat It-Tieni Ċentru Ta’ Matul Il-Jum U L-Lejl Għall-Persuni Bid-Dimensja

Anzjani li jbatu bil-kundizzjoni tad-dimensja se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi offruti f’ċentru ġdid f’Ħal Safi li se joffri l-funzjonijiet tiegħu kemm matul il-ġurnata u kemm matul il-lejl.

Fil-ftuħ taċ-ċentru, li tbierek mill-Arċisqof ta’ Malta l-Monsinjur Charles J. Scicluna, fil-preżenza tas-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula, tħabbar li dan hu t-tieni ċentru ta’ din ix-xorta wara li f’Settembru li għadda fetaħ l-ewwel wieħed fl-Imtarfa. Iċ-ċentri tal-Imtarfa u ta’ Ħal Safi huma l-uniċi ċentri fl-Ewropa li joffru servizz b’xejn ta’ respite lejl u nhar.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li s-servizzi li jingħataw fiċ-ċentri se jkunu mingħajr ħlas. Qal li b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro, din il-binja antika sarulha modifiki strutturali estensivi u xogħlijiet ta’ restawr biex inħoloq ambjent adattat u aċċessibbli għall-persuni bid-dimensja.

“Il-ftuħ ta’ ċentri bħal dawn għandhom l-iskop li joffru appoġġ dirett lill-qraba ta’ persuni bid-dimensja billi jiġu offruti serħan matul il-ġurnata jew billejl mill-pressjoni li tista’ tinħoloq mill-kura kontinwa li jagħtu. Barra minn hekk, ikollhom serħan il-moħħ li l-anzjani jkunu involuti f’attivitajiet li huma ta’ benefiċċju għalihom u għall-kundizzjoni tagħhom”.

Iċ-ċentru se jkun qed jipprovdi appoġġ lil madwar 60 persuna fil-ġimgħa. L-applikanti jkunu jistgħu jattendu ċ-ċentru tliet darbiet fil-ġimgħa, matul il-ġurnata jew matul il-lejl.

“Permezz tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, se nkunu qed nilħqu r-rakkomandazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja 2015-2023 billi nkomplu nżidu n-numru ta’ ċentri għall-persuni bid-dimensja kif ukoll is-servizz ta’ night shelter,” qal il-Ministru Farrugia.

Spjega li qed jiġu applikati standards internazzjonali tal-ogħla livell fil-kura tad-dimensja minn persuni kwalifikati biex jiġi żgurat li tingħata kura ta’ kwalità minn staff imħarreġ fin-nursing u fil-caring.​​

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi u d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-persuni bid-dimensja se jingħataw ukoll għajnuna taħt superviżjoni biex ikomplu bl-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, bħax-xiri, is-smigħ tal-quddies, il-mixi, etċ. Il-Ministru Farrugia qal li bil-ftuħ tat-tieni ċentru f’pajjiżna, l-aċċess għal dan is-servizz irdoppja din is-sena.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com