Pajjiżna Għandu Bżonn Strateġija Nazzjonali Għall-Prevenzjoni Tas-Suwiċidju – “Is-Soċjetà Tagħna Kif Teħtieġ Tinbidel…?”
L-għada li pajjiżna għadda minn xokk soċjali fejn kulħadd tkellem u esprima xi kumment jew ħsib b’xi mod jew ieħor, ta minn jiftakar u jfaħħar lin-nies li kienu qed jaħdmu sabiex isalvaw din il-ħajja.
Fost il-professjonisti li tkellmu kien hemm Dr. Mark Xuereb li jmexxi l-Crisis Resolution Malta u li kien fuq il-post biex jgħatti l-assistenza tiegħu. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, tobba tal-emerġenza u l-Pulizija li flimkien miegħu salvaw lil din il-persuna.
“Innegozzjajna għal siegħa u kkonvinċejna lil din il-persuna, li għandha ħafna problemi soċjali, u għall-grazzja t’Alla rnexxielna ntuha l-għajnuna f’ħinha u f’waqtha. Ħajr lill-Korp tal-Pulizija li ġew minnufih u morna hemm biex flimkien ħdimna bħala tim. Dan kollu juri biċ-ċar li lil hinn minn chats, emails u helplines kollha, li huma fihom infushom importanti tassew, imma apparti minn hekk joħroġ biċ-ċar li jrid ikun hemm Crisis Team, li għandu jkun attrezzat b’karozzi ta’ emerġenza u b’ċentru ta’ kriżi bieb ma bieb mal-emerġenza ta’ Mater Dei biex inkunu nistgħu nagħtu l-għajnuna lil dawn in-nies,” qal Dr Xuereb f’intervista fuq is-sit talk.mt.
Huwa qal li qed jkun hemm bejn tnejn sa erbgħa suwiċidju fix-xahar f’Malta, filwaqt li tenna li pajjiżna għandu jaħdem sabiex ikollna strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju kemm jista’ jkun malajr. Dan jwassal għal aktar koordinament ma’ Aġenziji u stakeholders kollha.
Dalgħodu wkoll l-Uffiċju tad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, immexxi minn Prof. Andrew Azzopardi ppubblika stqarrija fejn ntqal li qed juru solidarjetà sħiħa mal-professjonisti tas-saħħa mentali u l-NGOs, dan wara li ġibdu l-attenzjoni għall-avvenimenti xokkanti li seħħew ilbieraħ filgħodu fil-Belt Valletta.
Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà sostniet li “persuna vulnerabbli kompliet tiġi pperikolata minn nuqqas perikoluż ta’ empatija u rispett, li jitlob rispons urġenti f’isem l-awtoritajiet nazzjonali. Is-suwiċidju spiss jitqies bħala problema individwali, madankollu, l-implikazzjonijiet tagħha jaffettwaw is-soċjetà Maltija kollha tagħna.”
L-Uffiċju tad-Dekan kompla jgħid li r-riċerka turi li r-riskji ta’ suwiċidju jiżdiedu meta l-kuntest soċjali jonqos milli jappoġġja sens b’saħħtu ta’ appartenenza u konnessjoni.
“Hija meħtieġa attenzjoni biex wieħed jifhem aħjar u jindirizza l-esperjenzi ta’ ċerti persuni li jħossuhom megħluba b’mod perikoluż fis-soċjetà tal-lum,” tenna Prof. Andrew Azzopardi fl-istqarrija.
“Is-soċjetà tagħna kif teħtieġ tinbidel, sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura, iżolat, abbandunat, jew eskluż?” temm isaqsi d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Prof. Andrew Azzopardi.