Parks Malta Se Tkun Qed Tħawwel Aktar Minn 1,500 Siġra F’Diversi Widien
Se jitħawlu aktar minn 1,500 siġra grazzi għall-kampanja ta’ tindif ta’ Parks Malta, li flimkien ma’ entitajiet, ma’ kunsilli lokali u ma’ għaqdiet volontarji, qattgħu l-aħħar xhur inaddfu diversi widien. Parks Malta ikkommettiet li tħawwel żewġ siġriet għal kull tunnellata ta’ skart li jinġabar.
Grazzi għal din il-kampanja, inġabbru aktar minn 750 tunellata ta’ skart. Parks Malta, fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, se tħawwel 1,500 siġra indiġena f’dawn id-diversi widien.
F’din il-kampanja ħadu sehem aktar minn 20 għaqda, inklużi Din l-Art Ħelwa, il-Girl Guides ta’ Birżebbuġa u Raniero’s Adventures. Ingħaqdu wkoll numru ta’ entitajiet governattivi fosthom l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u Enemed. Il-kampanja saret bl-appoġġ tal-ħaddiema ta’ Parks Malta.
Fl-għeluq ta’ din il-kampanja f’Wied il-Għasel, il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema ta’ Parks Malta tax-xogħol estensiv li għamlu u faħħret lill-għaqdiet volontarji li pparteċipaw bi ħġarhom f’din l-inizjattiva.
“Hija inizjattiva sabiħa biex insebbħu l-ambjent, iżda li għandha sservi wkoll biex niftakru nieħdu ħsieb l-ambjent. Illum qed inħabbru li se niżirgħu aktar siġar, iżda biex wasalna s’hawn kellu jsir xogħol intensiv ta’ tindif biex jitneħħa skart mormi illegalment,” spjegat il-Ministru Dalli.
Żiedet li Parks Malta mhux biss se tkun qed tħawwel is-siġar, imma timpenja ruħha wkoll għall-manteniment tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn inkunu qed naħdmu aktar favur il-konservazzjoni tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Ritratti: DOI