Life Story Book Għat-Tfal Bi Problemi Soċjali Biex Jgħinhom Jibnu L-Esperjenzi F’Ħajjithom

 Life Story Book Għat-Tfal Bi Problemi Soċjali Biex Jgħinhom Jibnu L-Esperjenzi F’Ħajjithom

Id-dinja llum qed tiċċelebra il-Jum Dinji għat-Tfal, ġurnata b’sinjifikat qawwi u li timmarka l-importanza biex kull tifel u tifla jingħataw l-aqwa trobbija possibbli u aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa. Il-maġġoranza tat-tfal f’Malta jitrabbew u jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom, iżda jeżistu wkoll istanzi fejn it-tfal jinsabu taħt il-kura tal-Istat.

Proprju f’din il-ġurnata, il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ħareġ b’inizjattiva biex joħloq sistema fejn it-tfal taħt il-kura tal-Istat ikollhom aktar għarfien u aċċess għall-oriġini tagħhom, kif ukoll għajnuna emozzjonali ħalli jgħixu l-ewwel snin ta’ ħajjithom bl-aktar mod normali.

Il-Ministru Michael Falzon qal li d-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), se jkun qed jippromwovi l-idea ta’ life story book biex dawn it-tfal jibnu huma stess sekwenza tal-ewwel esperjenzi f’ħajjithom. Dan bil-għan li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn ikun hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-oriġini tal-familja bijoloġika tagħhom kif ukoll l-ewwel esperjenzi fil-ħajja tat-tfal.

L-idea ta’ life story book għandha l-għan li  b’mod gradwali tibni stampa tat-tfulija ta’ dawn il-minuri filwaqt li tagħtihom aktar possibbiltà għal informazzjoni dwar l-identità tagħhom.

Dan il-life story book huwa mmirat biex ikun ta’ sors utli għall-foster carers, għas-social workers u anke għall-ġenituri adottivi sabiex iservi ta’ gwida għalihom.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-punt ċentrali huwa li nisimgħu u nifhmu lit-tfal waqt li jħallu r-rekordji tagħhom f’dan il-ktieb. Dan filwaqt li naraw u nħeġġu lit-tfal jinterpretaw huma stess l-iktar avvenimenti importanti f’ħajjithom.

Dan l-istorybook se jkun qed jinkludi suġġetti importanti relatati mal-ħajja tat-tfal bħal:

  • Id-drittijiet u d-doveri tat-tfal
  • X’jifhmu t-tfal bit-terminu ‘alternative care’
  • Id-delizzji favoriti tagħhom
  • Ritratti mal-familja jew fir-residenza li qed jgħixu
  • Ritratti u memorji tal-familja bijoloġika tagħhom
  • Dubji u feedback pożittiv dwar il-membri tal-familji tagħhom fost l-oħrajn

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com