Minn Nhar It-Tnejn Tista’ Tirreġistra Għall-Booster Jekk Għandek Aktar Minn 50 Sena
F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-proċess biex tingħata t-tilqima tal-booster kontra l-Covid-19 ħa jkun qed jiġi aċċelerat.
Il-Ministru Fearne qal li dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena diġà bdew jingħataw it-tilqima tal-booster matul din il-ġimgħa li mistennija li jitlestew sat-tieni ġimgħa ta’ Diċembru.
Il-Ministru għas-Saħħa Fearne ħabbar li fil-bidu ta’ Diċembru qed ikun pjanat li jibdew jitlaqqmu dawk li għandhom ‘il fuq minn 50 sena. Huwa fakkar ukoll li biex tingħata l-booster trid tkun ilek li ħadt it-tieni doża mill-inqas sitt xhur.
Dawk li għandhom 50 sena u aktar ħa jkunu jistgħu jirreġistraw għall-booster kontra l-Covid-19 minn nhar it-Tnejn li ġej fuq vaċċin.gov.mt.
Il-Ministru Chris Fearne qal li l-pjan tal-Gvern huwa li sal-aħħar tas-sena jkun tlaqqam kull min għandu ‘l fuq minn 50 sena.
Ntqal ukoll li jekk kollox jimxi kif indikat u l-EMA tagħti l-approvazzjoni tagħha, minn nofs Diċembru t-tfal ta’ taħt it-tnax il-sena ħa jkunu jistgħu jibdew jitlaqqmu wkoll b’tilqima apposta għalihom.
Matul il-konferenza l-Ministru Chris Fearne ma’ ħabbar l-ebda tibdil fil-miżuri u restrizzjonijiet tal-pandemija.