“L-Aġir Tal-Ispeaker Huwa Inaċċettabbli F’Soċjetà Demokratika” – Il-PN
“L-ittra li l-Ispeaker Anġlu Farrugia bagħat permezz tal-avukat tal-fiduċja tiegħu lil Matthew Caruana Galizia bħala għal kollox inaċċettabbli f’soċjetà demokratika.”
Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija b’reazzjoni għall-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia fejn ntqal li “bl-ittra tiegħu għal darb’oħra kkonferma li huwa għadu s’issa ma fehemx x’inhi r-rwol kostituzzjonali li ġie fdat lilu.”
“Fl-ittra tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia jistqarr li huwa qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern. Dan imur kontra l-ġurament ta’ lealtà li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ħa fil-bidu tal-leġislatura li fih ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Minflok l-Ispeaker Anġlu Farrugia mexa mal-ġurament ta’ lealtà, huwa għażel li jibqa’ kkontrollat mill-Gvern Laburista,” żiedet tgħid l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-PN fakkar li matul l-aħħar ftit xhur l-Ispeaker Anġlu Farrugia b’mod ripetut vvota u ta rulings li bihom iddefenda lill-Gvern fil-każijiet tal-kuntratt ta’ konsulenza lil Konrad Mizzi, fil-każ ta’ dħul mhux dikjarat minn senserija u rigal u fil-każ ta’ użu ta’ fondi pubbliċi għal reklami politiċi tal-Gvern anke wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab ksur wara ieħor tal-kodiċi ta’ etika u tal-liġijiet ta’ pajjiżna.
Il-PN tenna li jqis bħala urġenti l-bżonn li ssir riforma tal-Parlament sabiex dan ikun tassew istituzzjoni demokratika li twettaq skrutinju effettiv u effiċjenti tal-ħidma tal-Gvern u żżommu kontabbli matul il-leġislatura kollha.
“Sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia jibqa’ jagħżel l-interessi tal-Gvern u mhux tal-Pajjiż, Malta ma tista’ qatt taqbad it-triq għal riforma tant meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija,” temm jgħid il-PN.