Il-K.E. B’Opinjoni Pożittiva Dwar Il-Budget Għas-Sena D-Dieħla

 Il-K.E. B’Opinjoni Pożittiva Dwar Il-Budget Għas-Sena D-Dieħla

F’intervista fuq ONE, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif il-Kummissjoni Ewropea tat opinjoni pożittiva dwar il-budget li l-gvern ressaq għas-sena d-dieħla. Dan wara li bħal kull sena l-baġit ikun tressaq għall-evalwazzjoni tal-esperti tal-Kummissjoni Ewropea.

“F’rakkomandazzjoni esperta tagħha waslet għal tliet konklużjonijiet. L-ewwel waħda li Kummissjoni Ewropea uriet li taqbel mat-tbassir tal-Gvern fejn jidħol tkabbir ekonomiku. Dak huwa punt importanti ħafna.  Uriet ukoll li taqbel mal-miri fiskali kif imħabbra fil-baġit u ndikat ukoll li l-esperti tagħha huma tal-opinjoni li dak imħabbar fil-baġit jista’ jintlaħaq. Dawn huma aħbarijiet li jimlewk b’sens ta’ sodisfazzjon kbir u jinċentivawk fik iktar rieda biex tkompli għaddej bil-ħidma tiegħek,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif is-suq tax-xogħol huwa l-aqwa kejl dwar kemm pajjiżna qed jipprovdi l-opportunitajiet u r-riżultati qed juru li dan l-għan qed jintlaħaq.

“Illum għandna sa din il-ġimgħa, il-persuni li jinsabu fuq ir-reġistru tal-qgħad huma 1,254. Qed nitkellmu kważi full employment, minkejja li kellna tbassir ta’ iktar minn 50,000 persuna bla xogħol. Taf kemm kienu l-persuni qiegħda fi żmien gvern nazzjonalista fil-gvern? Aktar minn sitt darbiet din iċ-ċifra.” qal il-Prim Ministru li fakkar li dak iż-żmien ma kienx hawn pandemija. Hawn emfasizza l-bżonn tal-edukazzjoni u x-xogħol biex il-familji jimxu ‘l quddiem.

“Nemmnu fl-importanza tal-edukazzjoni. Nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jimxi ‘l quddiem… Imbagħad tara l-importanza li qed nagħtu fit-tieni aspett tad-dinja tax-xogħol,” żied il-Prim Ministru li għamel referenza għal setturi differenti fosthom dak tal-manifattura, it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji. “Settur li tant kien kruċjali għal ekonomija tagħna f’dawn l-aħħar snin. Illum qed nerġa’ nibgħat dan il-messaġġ b’saħħtu li aħna nqisuh bħala importanti ferm għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Mhux biss se nippreservaw dak li għandna sal-lum, imma se nibqgħu niddefenduh dan is-settur biex inkomplu inkabbruh,” qal il-Prim Ministru li spjega kif hemm konverġenza bejn dak li jemmen li għandu jkun il-futur il-gvern u nies fis-settur innifsu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com