“Robert Abela Naqas Milli Jiċċensura L-Aġir Tal-Ispeaker Anġlu Farrugia” – Il-PN

 “Robert Abela Naqas Milli Jiċċensura L-Aġir Tal-Ispeaker Anġlu Farrugia” – Il-PN

“Fl-ewwel opportunita’ li kellu lbieraħ filgħodu Robert Abela naqas milli jiċċensura l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li fl-ittra mibgħuta lil Matthew Caruana Galizia jistqarr li huwa qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern.”

Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara d-diskors li għamel il-PM Robert Abela lbieraħ fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista. Il-PN kompla jisħaq li dan imur kontra l-ġurament ta’ lealtà li l-istess Speaker ħa fil-bidu tal-leġislatura li fih ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

“Minbarra dan, Robert Abela falla milli jiddisassoċja ruħu pubblikament mill-kummenti ta’ Anthony De Giovanni, li hu mħallas minn aġenzija tal-Gvern immexxija minn bintu, minn President tal-Għaqda Veterani Laburisti. Dan wara li s-Sibt sostna li Matthew Caruana Galizia kien parzjalment responsabbli mill-qtil ta’ ommu. Minflok Robert Abela jibqa’ jittollera kummenti diżpreġġjattivi u diviżivi minn esponenti ewlenin tal-Partit Laburista,” sostna l-PN fl-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jrid “bidla b’viżjoni għal ambjent aħjar milli għandna llum, edukazzjoni u opportunitajiet tax-xogħol aħjar, kwalità tal-ħajja u reputazzjoni ferm aħjar minn dak li kisser il-Gvern ta’ Robert Abela u Joseph Muscat. Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed imexxi soċjetà aktar ġusta fejn l-opportunitajiet qeghdin hemm għal kulħadd u fejn min hu kbir jista’ jaħdem imma min hu żgħir jista’ jikber.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com