Il-Grupp Sterling B’Fabbrika Ġdida F’San Ġwann B’Investiment Ta’ €4 Miljun
Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mis-Sinjura Dr Lydia Abela, inawgura fabbrika ġdida mill-Grupp Sterling fiż-żona industrijali ta’ San Ġwann.
Il-Grupp investa €4 miljun biex permezz tal-infrastruttura meħtieġa jilqa’ għad-domanda dejjem qed tiżdied li qed tesperjenza u esperjenzat il-kumpanija matul l-aħħar snin, bl-għan ewlieni ta’ dan l-investiment infrastrutturali jkun li tibqa’ toffri l-aqwa servizz lill-klijenti lokali u internazzjonali.
Il-Prim Ministru nnota kif l-inawgurazzjoni ta’ din il-fabbrika saret fl-istess jum li kienu ppubblikati riżultati pożittivi dwar it-tkabbir ekonomiku u sar magħruf kif fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-investiment kien ta’ aktar minn €2.6 biljun, livelli li qed jaqbżu ta’ dawk qabel il-pandemija.
F’dan il-kuntest, Dr Abela qal li n-negozji qegħdin jaħsdu l-frott ta’ dawn ir-riżultati, riżultati li huma possibbli biss bl-appoġġ u d-determinazzjoni tan-negozji. “Dan kollu stajt nesperjenzah waqt li tkellimt ma’ diversi persuni li qed jaħdmu minn dan l-investiment ġdid li inawgurajna llum,” stqarr il-Prim Ministru.
Fi kliem iċ-Chairman tal-kumpanija, Alfred Fenech, it-tmexxija tal-grupp qatt ma bassret li 45 sena ilu, intrapriża ta’ negozju li bdiet minn ħanut żgħir f’Buġibba, kienet se twassal biex illum il-kumpanija kibret b’mod sostanzjali bit-tieni ġenerazzjoni tal-familja kollha jokkupaw rwol ewlieni fid-dipartimenti rispettivi tagħhom.
Il-perit tal-proġett, Christian Spiteri, qal li l-estetika tal-binja fuq barra tirrifletti preċiżament dak li qed jiġri ġewwa. “L-għan ewlieni tal-binja huwa li l-viżitatur isir il-protagonist tal-binja u japprezza d-dettal u l-materjal użat, li jesprimu l-valuri tal-kumpanija,” stqarr is-Sur Spiteri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sterling Jewellers, Romina Grech Fenech, qalet li dan il-bini huwa riżultat tal-viżjoni ta’ kontinwità tal-Grupp Sterling: dik li jilħaq livell għoli ġdid fl-industrija tal-manifattura tal-ġojjellerija.
Il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela awguraw lit-tmexxija tal-Grupp Sterling li preżentament timpjega ‘l fuq minn 100 impjegat u li permezz ta’ dan l-investiment se tkun qed timpjega iżjed ħaddiema.
Il-Grupp Sterling għandu 25 ħanut f’lokalitajiet differenti, li joffru kemm ġojjellerija importata, kif ukoll dik manifatturata lokalment.
Ritratti: DOI