Fejn Kienu Sejrin Il-Maltin Ta’ 100 Sena Ilu? – Kalendarju Li Juri Il-Maltin Tal-1922

 Fejn Kienu Sejrin Il-Maltin Ta’ 100 Sena Ilu? – Kalendarju Li Juri Il-Maltin Tal-1922

Loreto Cauchi kien baħħar minn Għajnsielem, li fl-1922, ta’ 26 sena, kien qed ifittex xogħol Franza.

Everaldo u Josephine Dimech nee Hamilton, ta’ 30 u 22 sena, riedu jivvjaġġaw lejn Tangayika fit-Tanzanija, eks territorju Brittaniku.

Douglas William Gordon, li kellu biss 23 sena, ried imur l-Ingilterra għax kellu problemi mediċi relatati ma’ qalbu.

Giulia Casolani nee Zammit, ta’ 55 sena, daret id-dinja fl-1922, bil-pjan li tivvjaġġa l-Italja, Franza, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, il-Jugoslavja, u l-Bulgarija.

Dawn kollha huma stejjer reali li ħarġu f’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Identity Malta u l-Arkivji Nazzjonali. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tnieda kalendarju għas-sena 2022 b’ritratti li ntużaw minn applikanti għal passaport fl-1922.

Il-kalendarju kien iffinanzjat u ddisinjat mill-Aġenzija Identity Malta filwaqt li r-ritratti u l-informazzjoni kienu pprovduti mill-Arkivji Nazzjonali. Fih tnax-il ritratt ta’ passaport u informazzjoni dwar il-persuni li applikaw għal dan id-dokument mitt sena ilu. Dan il-kalendarju jiftaħ tieqa interessanti fuq is-soċjetà Maltija f’dawk iż-żminijiet, meta l-Maltin kienu meqjusa bħala sudditi Ingliżi.

Il-Kap tat-Taqsima tar-Riżorsi Umani fi ħdan Identity Malta, Ryan Dimech, osserva li filwaqt li l-passaport tal-lum huwa diġitalment avvanzat, dak ta’ mitt sena ilu kien karta mitwija fi tmienja, b’informazzjoni dwar l-applikant jew l-applikanti u d-destinazzjoni. F’dawk iż-żminijiet fuq passaport wieħed kien possibbli li jitniżżlu aktar minn applikant wieħed.

Id-Direttur tal-Arkivji Nazzjonali Dr Charles Farrugia qal li filwaqt li llum ħafna jsiefru biex isiru jafu pajjiż ieħor, is-safar ta’ mitt sena ilu kien xprunat minn raġunijiet ta’ saħħa, emigrazzjoni, biex iżuru xi qarib jew raġunijiet ta’ wirt. Ħeġġeġ għal kollaborazzjonijiet futuri bejn iż-żewġ entitajiet bil-għan li tingħata l-ħajja lill-istorja li sawret lill-poplu Malti.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li din il-kollaborazzjoni sservi biex nifhmu l-importanza tad-dokument tal-passaport. Mhux biss dan id-dokument iservi biex ninqdew għall-fini ta’ vjaġġar, imma huwa wkoll riflessjoni tal-epoka li qed ngħixu fiha. Alex Muscat irringrazzja lil Identity Malta, li kuljum tirċievi madwar 130 applikazzjoni għal passaport ġdid.

Il-Ministru José Herrera qal li, “Kull ritratt jgħid aktar minn elf kelma, jgħid narrattiva twila ta’ esperjenzi. Dawn l-esperjenzi rridu nwennsuhom u naraw li jibqgħu miżmuma b’għożża għal ġenerazzjonijiet futuri”.

Identity Malta se tqassam ammont limitat ta’ kopji lil min japplika għal passaport ġdid u se tagħmel il-kalendarju disponibbli online, biex kull min hu interessat fih jista’ jniżżlu mis-sit tal-aġenzija.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com