Indoneżjan Jinżamm Arrestat Wara Li Allegatament Ta Daqqiet Ta’ Sikkina F’Ras Raġel Ieħor Waqt Ġlieda
Raġel mill-Indoneżja nżamm arrestat wara li ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor nhar il-Ħadd li għadda fil-Fgura.
Allegatament Muhamad Topik Hidayat ta’ 30 sena, li jaħdem bħala assistent ta’ fish farm, li jgħix il-Fgura ta’ daqqiet ta’ sikkina f’ras raġel ieħor Indoneżjan waqt ġlieda li seħħet f’residenza fil-Fgura.
Il-Qorti semgħet lill-Ispettur Sarah Zerafa tixhed li kif waslu fuq il-post sabu demm mċappas mal-ħajt u ma’ l-art. Dawk preżenti ma tantx kienu jitkellmu bl-Ingliż, iżda rriżulta li l-akkużat kien laqat ras il-vittma b’sikkina. Muhamad ġie arrestat u ttieħed fil-lockup. Il-vittma ttieħed l-isptar b’ambulanza u kien fil-periklu li jitlef ħajtu.
Hija kompliet tgħid li ftit wara twaqqfet ukoll inkjesta maġisterjali. Waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat kien ammetta li laqat lill-vittma waqt argument u dan wara skambju ta’ insulti.
Muhamad Topik Hidayat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi. L-Avukat Ramon Bonnet Sladden qalet ukoll li minn nhar il-Ħadd il-kundizzjoni tal-vittma tjiebet u m’għadux fil-periklu li jmut.
F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja. Hidayat inżamm taħt arrest preventiv.
L-avukati George Camilleri u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Eman Hayman u Sarah Kathleen Zerafa mexxew il-prosekuzzjoni.