Ara X’Kellha Xi Tgħid L-Oppożizzjoni Nazzjonalista Dwar Il-Liġi Tal-Kannabis…

 Ara X’Kellha Xi Tgħid L-Oppożizzjoni Nazzjonalista Dwar Il-Liġi Tal-Kannabis…

L-abbozz tal-liġi tal-kannabis issa tinsab fl-aħħar fażi sabiex tgħaddi hekk kif nhar it-Tlieta f’laqgħa ta’ erba’ sigħat il-Kumitat Parlamentari tal-Abbozzi ddiskuta din il-liġi sabiex finalment ġiet approvata.

Fi stqarrija wara dan kollu l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern baqa’ għaddej mill-proċess mingħajr ma’ ta’ widen għall-ebda tħassib jew proposta li tressqet matul il-laqgħa. Il-PN qal li f’din il-laqgħa, fil-preżenza ta’ numru ta’ għaqdiet u entitajiet, l-Oppożizzjoni ressqet sensiela ta’ punti ta’ tħassib serju fuq il-liġi kif proposta.

Il-PN saħaq li kien evidenti li ma’ sar l-ebda studju jew analiżi ta’ impatt fuq il-bidliet li qed jiddaħħlu. “Dan imur kontra kull prinċipju bażiku li l-leġiżlazzjoni trid tkun ibbażata fuq l-evidenza u fuq kif ser timpatta s-soċjetà,” tenniet l-Oppożizzjoni, filwaqt li kompliet tisħaq li l-livell ta’ potenza tat-THC fid-droga li ser tiġi kkultivata, mqassma u kkunsmata mhux qed jiġi kkontrollat bir-riskji ta’ saħħa serja li dan kollu ser iġib miegħu, b’mod partikolari għal persuni vulnerabbli.

Il-PN qal ukoll li l-Gvern injora l-appell biex titnaqqas iż-żieda ta’ 800% fil-limiti tal-pussess li hija meqjusa qabża eżaġerata u li saret mingħajr ebda studju jew analiżi ta’ impatt.

L-Oppożizzjoni tenniet ukoll li l-Gvern injora l-appell sabiex l-età ta’ użu permissibbli tal-anqas titla minn 18 għal 25 sena hekk kif irrakkomandaw l-esperti tas-saħħa mentali. “Il-Gvern injora t-thassib li t-tkabbir tal-pjanti fid-djar ser jispiċċa jsir fil-preżenza tat-tfal li jabitaw f’dawn ir-residenzi. Id-drittijiet tat-tfal u ta’ dawk li ma’ jużawx id-droga fl-istess residenza ġew kompletament skartati,” kompliet tisħaq l-Oppożizzjoni. Qalet ukoll li l-Gvern ma’ tax widen għall-karba tal-iskejjel biex il-limitu tad-distanza ta’ 250 metru ‘l bogħod minn istituzzjoni edukattiva jiżdied biex jitnaqqas ir-riskju tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Rigward is-surplus ta’ kannabis li ser jiġi prodott fir-residenzi u fl-organizzazzjonijiet tal-ikkultivar u t-tqassim tal-kannabis, il-PN qal li l-Gvern ma’ kellu l-ebda risposta dwar dan.

Punt ieħor li l-PN ressaq kien dwar it-turiżmu marbut mal-kannabis. Huma qalu li l-Gvern ma’ kienx dispost li jeskludi lit-turisti li jżuru f’pajjiżna milli jkunu membri fl-organizzazzjonijiet tal-ikkultivar u t-tqassim tal-kannabis, biex b’hekk pajjiżna issa ser jiftaħ il-bibien għat-turiżmu marbut mal-kannabis.

Il-PN tenna li dak kollu li ressqet l-Oppożizzjoni, l-esperti, l-imsieħba soċjali u diversi professjonisti u għaqdiet ġie injorat għal kollox mill-Gvern fejn kien ċar li ma’ kienx dispost ibiddel ebda parti tal-liġi.

L-Oppożizzjoni iddikjarat li kif għamlet fl-istadji kollha, ser tivvota kontra din il-liġi li ser tinnormalizza l-użu tad-droga f’pajjiżna u tiskarta għal kollox l-interess tat-tfal u tal-ġid komuni.

Il-PN temm jgħid li huwa “l-Gvern li issa għandu jġorr ir-responsabbiltà ta’ dawn id-deċiżjonijiet li ser jesponu lis-soċjetà għal ħafna aktar riskji.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com