Tidħol Fis-Seħħ Sentenza Ta’ 18-il Xahar Ħabs Għall-Anzjana Ta’ 91 Sena

 Tidħol Fis-Seħħ Sentenza Ta’ 18-il Xahar Ħabs Għall-Anzjana Ta’ 91 Sena

Anzjana ta’ 91 sena mill-Belt Valletta ħa tkun qed tibda tiskonta piena ta’ ħabs wara li naqset trodd lura €20,590 fiż-żmien stipulat f’ordni mill-Qorti seba’ snin ilu.

Carmela Ciarlo’ bħalissa qed tinżamm f’dar tal-anzjani b’għassa magħha 24 siegħa kuljum, anke jekk bilkemm tista’ timxi.

L-anzjana kienet instabet ħatja f’Marzu tal-2014 li kienet żammet €20,590 li kien selfilha Joe D’Amato miż-Żurrieq.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lill-anzjana ħatja u rrimarkat kif hija “ħolqot messa in xena mill-aqwa” u ngannat lir-raġel wara li l-ewwel darba kienet talbitu €2,500 għal mara li qaltlu li kellha tarbija u li kienet se tispiċċa barra. Hi kienet wegħditu li se troddhomlu lura iżda wara li tatù €1,100 bdew sensiela ta’ skużi.

Darba minnhom kienet qaltlu li nutar qalilha li ħabib ta’ żewġha, li kien miet, ħallielu xi wirt li waqa’ fuqha u talbitu aktar flus biex in-nutar ikun jista’ jaħdmilha biex tikseb dawn il-flus.

Ir-raġel kien baqa’ jagħtiha l-flus għaliex kienet tibqa’ tinsisti u hu kellu fiduċja għamja fiha.

Carmela Ciarlo’ kienet instabet ħatja u kienet ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin u kellha trodd is-somma f’6 xhur. Il-Qorti kienet qaltilha li jekk ma troddhomx lura kienet se tiskonta piena ta’ ħabs.

L-anzjana kienet appellat mis-sentenza però hi qatt ma dehret għas-seduti għalhekk il-kawża kienet ġiet iddikjarata abbandunata u hawn fejn daħlet fis-seħħ is-sentenza tal-ewwel qorti li kienet ta’ 18-il xahar ħabs.

Minħabba l-istat ta’ saħħa tal-anzjana għadu mhux magħruf jekk hux se tiskonta s-sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew le.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com