“Id-Diġitalizzazzjoni Tibqa’ Kruċjali Għal Sistema Ta’ Ġustizzja Effettiva, Aċċessibbli U Effiċjenti” – Il-Ministru Edward Zammit Lewis

 “Id-Diġitalizzazzjoni Tibqa’ Kruċjali Għal Sistema Ta’ Ġustizzja Effettiva, Aċċessibbli U Effiċjenti” – Il-Ministru Edward Zammit Lewis

Il-Ministru Dr Edward Zammit Lewis attenda għat-tieni Djalogu Globali tal-Mexxejja tal-Ġustizzja bit-tema ‘Transforming Justice of a vibrant Social Contract’, organizzat mill-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD).

Il-Ministru Zammit Lewis enfasizza li kull sistema tal-ġustizzja għandha tkun deskritta u ċċentrata madwar in-nies. Dan iffisser li s-sistema tkun aċċessibbli għal kulħadd u tkun kontabbli lejn il-poplu.

Żied jgħid li, “Waħda mill-istrateġiji effettivi biex tikkontribwixxi lejn ġustizzja ċċentrata fuq in-nies hija d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja”. Il-pandemija tal-COVID-19 wriet li hemm bżonn attenzjoni fuq il-ħtieġa li titħaffef id-diġitalizzazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi ġustizzjarji tagħna. Dan kien saħansitra aktar relevanti għalina billi Malta implimentat sistemi teknoloġiċi ġodda, pereżempju permezz ta’ mezzi addizzjonali ta’ arkivjar onlajn u d-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-awli tal-qorti tagħna.

Ġie nnutat li d-diġitalizzazzjoni li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja permezz ta’ servizzi relatati mal-ġustizzja se jkunu disponibbli għal kulħadd. Dawn it-tibdiliet kienu essenzjali biex is-sistema ġudizzjarja ssir iktar effettiva u tgħin biex titnaqqas il-burokrazija, l-ispejjeż u d-dewmien proċedurali.

Il-Ministru Zammit Lewis enfasizza li, “Jeħtieġ li jkollna sistema bbażata fuq aktar skrutinju li żżomm lil kulħadd responsabbli. Jeħtieġ li nkomplu fit-triq it-tajba billi jkollna membri tal- ġudikatura imparzjali u indipendenti. L-effiċjenza u l-effettività għandhom jibqgħu fil-qalba tas-sistema ġudizzjarja.”

Il-Ministru semma li dan l-aħħar saru diversi riformi rivoluzzjonarji fl-istorja legali ta’ Malta. Dan jinkludu riformi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fl-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta. L-amministrazzjoni ta’ Robert Abela kienet ewlenija fil-promozzjoni tas-saltna tad-dritt u l-governanza tajba billi poġġiet lin-nies fiċ-ċentru.

Fi tmiem l-intervent tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis innota li, “Għamilna riformi bla preċedent u daħħalna t-teknoloġija biex inkomplu nassiguraw li jkun hemm aċċess aħjar għall-ġustizzja inkluż permezz ta’ mezzi diġitali. Għalhekk aħna mhux biss impenjati li naġixxu iżda implimentajna u tejjibna s-sistema ġudizzjarja biex tkun aktar iffukata fuq iċ-ċittadin”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com