“Waqt Li L-Ewropa Tiddiskuti Kif Tgħolli L-Paga Minima, F’Malta L-Prekarjat Huwa Promoss Mill-Istat” – Il-PN

 “Waqt Li L-Ewropa Tiddiskuti Kif Tgħolli L-Paga Minima, F’Malta L-Prekarjat Huwa Promoss Mill-Istat” – Il-PN

“Waqt li fl-Ewropa d-diskussjoni hija dwar kif il-pajjiżi ser jgħollu l-paga minima u jagħtu saħħa lil ħaddiem għal negozjar kollettiv, f’pajjiżna l-Gvern Laburista jippromwovi huwa stess il-pożizzjoni dgħajfa tal-ħaddiem permezz ta’ eluf ta’ kuntratti ‘inviżibbli’ għal xogħol ta servizz pubbliku li iżda jgħaddi tramite kuntratturi privati li jsiru sinjuri minn fuq dahar il-ħaddiem.”

Dan qaluh il-Kelliem ewlieni Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Ivan Castillo f’messaġġ lill-istampa li għaddew minn quddiem l-Uffiċju tad-Direttur tax-Xogħol fil-Belt Valletta.

“Din hija wegħda oħra miksura tal-Partit Laburista li fil-manifest tal-2017 kien imwiegħed ‘Jispiċċa x-xogħol Prekarju’.” Il-Kelliema qalu li l-verità llum hija totalment l-oppost ta’ dak li wiegħed il-Parti Laburista, b’eluf ta’ kuntratti li l-ammont tagħhom ma jiġix żvelat fl-intier tiegħu ma’ kuntratturi privati li fil-fatt jintużaw f’ servizzi pubbliċi mill-immaniġġjar tal-iskart sa servizzi ta toroq u trasport u servizzi oħrajn.

“Dawn l-eluf ta’ ħaddiema Maltin jinsabu f’postijiet tax-xogħol ta’ servizz pubbliku iżda jitħallsu bil-prekarjat, bla arranġamenti ta’ union jew ftehim kollettiv, ta’ spiss bla ebda pjan ta’ taħriġ fuq il-ħiliet tagħhom u ta’ spiss ukoll bil-paga tagħhom li tkun sa 1000 euro anqas minn ta’ ħaddiem ieħor tal-post fis-servizz pubbliku għall-istess xogħol.” qal Peter Agius

Fl-intervent tiegħu Ivan Castillo qal li “l-Gvern bħalissa huwa l-awtur ta’ skema li effettivament tibbajpassja r-regoli u l-liġijiet tax-xogħol.” Huwa kompla jgħid li “dan rajnieh ċar meta ammetta li l-ħaddiema tal-kuntratt ma kienux qed jitħallsu aktar tal-Ħdud u festi, tant li kellu jindirizzaha fl-aħħar baġit. Il-Liġi Maltija ilha żmien tipprojbixxi l-prattika li saret ir-regola taħt il-labour. Il-Gvern qed jippromwovi l-ksur tal-liġi tax-xogħol!”

Il-Kelliem ewlieni Peter Agius u l-Kandidat Ivan Castillo temmew jgħidu li l-Gvern qed jikser bl-aktar mod sfaċċat ukoll il-prinċipju tal-‘equal pay for equal work’ li mhux biss huwa stabbilit fil-liġi Maltija u Ewropea, iżda wkoll kien espressament imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-PL. “Il-verità llum turi li huwa l-Gvern stess li qed jippromwovi l-ksur ta’ dan il-prinċipju bl-arranġamenti moħbija li għandu ma kuntratturi privati li qed isiru sinjuri minn fuq l-eluf tal-ħaddiema b’kuntratti prekarji.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com