Malta Tagħti Donazzjoni Ta’ 131,000 Doża Ta’ Vaċċin Lill-Poplu Iranjan
Il-Gvern Malti ta donazzjoni ta 131,000 doża ta’ vaċċin kontra l-COVID-19 lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Din il-kondiviżjoni tal-vaċċin seħħet bl-assistenza mill-Kummissjoni Ewropea, b’ħidma li tiġbor ilkoll l-isforzi ta’ pajjiżi oħra Ewropej bl-għan li jibbenifika l-poplu Iranjan minn dawn id-donazzjonijiet.
Fi stqarrija ntqal li l-vaċċini twasslu f’Tehran b’titjira speċjali li kienet koordinata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u ġew milqugħa minn uffiċjali tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Edukazzjoni Medika ġewwa l-Iran.
L-isforz ta’ Malta fil-kondiviżjoni tal-vaċċin, li wassal sabiex iktar minn 400,000 doża tqassmu f’pajjiżi fi bżonn f’dawn l-aħħar xhur, huwa frott tal-koordinazzjoni bejn uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Ministeru għas-Saħħa, li ħadmu fil-qrib mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Iktar donazzjonijiet tal-vaċċin kontra l-COVID-19 huma mistennija li jkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Ritratt: DOI