Ir-Raba’ Edizzjoni Tal-Mediterranean Water Forum F’Malta
Għall-ewwel darba, Malta qed tospita l-Mediterranean Water Forum, bil-parteċipazzjoni ta’ Ministri u Aġenziji tal-Immaniġġjar tal-Ilma minn pajjiżi Mediterranji u organizzazzjonijiet reġjonali fil-Mediterran differenti.
L-għan ta’ dan il-Forum huwa li jidentifika soluzzjonijiet u prattiċi għall-immaniġġjar aħjar tal-ilma. Il-Mediterranean Water Forum se jservi ta’ pjattaforma għal preparazzjoni tar-reġjun tal-Mediterran qabel id-disa’ edizzjoni tal-World Water Forum f’Dakar, f’Marzu li ġej.
Id-diskussjonijiet għandhom l-għan jidentifikaw proposti b’saħħithom fuq l-immaniġġjar tal-ilma u prattiċi sostenibbli, biex imbagħad jiġu ppreżentati f’Dakar.
Waqt il-ftuħ ta’ dan il-Forum, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif il-gżira Maltija għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-kultura Mediterranja tal-ilma.
Malta, bħal kull pajjiż ieħor fil-Mediterran, taffaċċja sfidi li jħallu impatt fuq fir-riżorsi tal-ilma inkluż tibdil fil-klima, tibdil demografiku u anke ekonomija li tinbidel.
“Dawn il-fatturi jikkontribwixxu biex il-provvista tal-ilma tonqos. Huwa propju għalhekk li dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jimplimenta proġetti u jieħu l-inizjattivi neċessarji biex jikkontribwixxi f’produzzjoni tal-ilma effiċjenti u ambjentalment sostenibbli,” saħqet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Miriam Dalli żiedet tgħid li l-iżvilupp sostenibbli jidħol f’kull proġett li qed jiġi implimentat, fejn ġew allokati €130 miljun biex ir-residenti f’Malta jkollhom provvista u distribuzzjoni tal-ilma sigura, effiċjenti u sostenibbli.
“Bħala Gvern kommessi li nkomplu ninvestu fl-effiċjenza, billi nassiguraw użu tar-riżorsi naturali tagħna b’mod sostenibbli, filwaqt li nkomplu nipprovdu ħajja ta’ kwalità liċ-ċittadini tagħna. Flimkien ma’ diversi entitajiet governattivi qed nkomplu nassiguraw provvista ta’ ilma ta’ kwalità tajba, filwaqt li qed nipprovdu għarfien lin-nies ta’ kif għandhom jużaw dan is-sors b’mod effiċjenti,” rrimarkat il-Ministru Dalli.
Hija ħeġġet lill-parteċipanti tal-Forum biex joħorġu b’soluzzjonijiet tanġibbli fejn iħallu impatt pożittiv għat-titjib tal-ilma.
Ritratt: DOI