Iċ-Ċelebrazzjonijiet Tal-Ewwel Tas-Sena Jirritornaw Fi Pjazza San Ġorġ B’Numru Limitat Ta’ Nies
Il-programm Christmas in the City ser jilħaq il-qofol tiegħu lejlet l-ewwel tas-sena bi spettaklu ta’ logħob tan-nar u show minn numru kbir ta’ artisti fosthom il-kantant Ingliż ta’ fama internazzjonali John Newman, flimkien ma’ għadd ta’ mużiċisti u kantanti lokali!
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet miċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, il-Kap Eżekuttiv Catherine Tabone u ċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia.
Intqal li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena se jkunu qed jirritornaw fi Pjazza San Ġorġ b’udjenza limitata sabiex ikunu mħarsa l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-pubbliku se jkun jista’ jiġbor il-biljetti b’xejn għal din l-attività minn nhar il-Ħamis li ġej mill-uffiċini tal-VCA. Il-biljetti se jkunu qed jitqassmu fuq bażi ta’ first come first serve u ma jistgħux jittieħdu aktar minn 4 biljetti fuq l-istess ID card number.
Intqal ukoll li minn din is-sena, mat-tokki ta’ nofsillejl se jkun hemm spettaklu ta’ logħob tan-nar fil-Port il-Kbir.
L-ispettaklu fi Pjazza San Ġorġ se jkun qed jibda fid-9pm, b’diversi kantanti lokali stabbiliti flimkien mal-kantant internazzjonali John Newman.