Malta U Franza Jiddiskutu L-Iżviluppi Riċenti Fil-Mediterran
Is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika Franċiża Clément Beaune u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo llum iddiskutew l-iżviluppi riċenti fil-Mediterran u s-sitwazzjoni fil-Libja, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin.
Il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Libja, u saħaq li huwa ta’ benefiċċju reċiproku li jkun hemm sigurtà u żvilupp f’dan il-pajjiż. Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u ż-żewġ ministri qablu li jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni strateġika bejn il-pajjiżi.
It-taħditiet iffokaw ukoll fuq il-ħidma tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss, biż-żewġ Ministri jenfasizzaw l-importanza tas-Summit Unjoni Ewropea-Afrika li se jsir fi Frar 2022. Iż-żewġ naħat qablu li s-sħubija mal-pajjiżi Afrikani dwar l-iżvilupp u l-opportunitajiet ekonomiċi hija importanti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi attenda l-laqgħa.
Ritratti: DOI