Għaliex Ix-Xita Qed Tkun Spiss, Abbundanti U Bir-Riħ?

 Għaliex Ix-Xita Qed Tkun Spiss, Abbundanti U Bir-Riħ?

Kif indikat bl-aktar mod grafiku fil-mappa tat-temp li qed nuru, insibu diversi pressjonijiet baxxi wara xulxin (innumerati) deħlin mill-Atlantiku għal fuq l-Ingilterra, lejn Franza, l-Italja u ċ-ċentru tal-Mediterran u mbagħad jibqgħu sejrin lejn il-Lvant tal-Mediterran. Dan hu dak li qed jiġri bħalissa, iżda dan ix-xenarju qajla qed jinbidel minħabba żewġ fatturi oħrajn.

𝗟-𝗲𝘄𝘄𝗲𝗹 𝗳𝗮𝘁𝘁𝘂𝗿: Din is-sena l-‘jet stream’ (li huwa ffurmat minn kurrenti ta’ riħ qawwi f’altitudni ta’ madwar 35,000 pied), hu aktar dgħajjef mis-soltu, li jfisser li s-sistemi tat-temp għandhom ħabta jeħlu iktar fuq reġjun u jkunu anqas mexxejja. Dan ilna ninnutawh mis-sajf, fejn l-imwieġ ta’ sħana kienu persistenti, fil-ħarifa rajna xita persistenti u issa qed nesperjenzaw riħ persistenti..

𝗜𝘁-𝘁𝗶𝗲𝗻𝗶 𝗳𝗮𝘁𝘁𝘂𝗿: Minħabba l-ewwel fattur, il-pressjoni għolja tal-Ażorre (immarkata b’ċirku oranġjo) hi anqas b’saħħitha mis-soltu u tinsab irtirata iktar fil-Baħar Atlantiku, kif ukoll pressjoni għolja oħra lejn l-Iskandinavja u s-Siberja qed iddawwar is-sistemi ta’ maltemp Atlantiċi lejn il-Mediterran.

Għal min ma tantx hu midħla tal-meteoroloġija, pressjoni għolja ġġib temp stabbli, bnazzi u bi ftit li xejn riħ, filwaqt li sistema ta’ pressjoni baxxa ġġib il-maltemp, u r-riħ ikun aktar qawwi speċjalment madwar iċ-ċentru tagħna u meta tkun issikkata viċin arja ta’ pressjoni għolja.

Lejn nofs Diċembru qed nistennew li l-Pressjoni Għolja tal-Ażorre tinfirex lejn il-Punent u ċ-ċentru tal-Mediterran u jkollna perjodu ftit aktar kwiet mill-maltemp li qed ikollna riċentament.

Tajjeb ukoll li nsemmu li meta l-‘jet stream’ ikun dgħajjef (kif spjegat fin-nota tal-ewwel fattur) l-arja sħuna mid-deżert u l-arja kiesħa polari jkunu aktar liberi li ‘jiskappaw’ minn posthom u għaldaqstant, din hija raġuni oħra għaliex kellna sajf qalil u x-xitwa ġa tinsab magħna, kemmxejn qabel is-soltu!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com