Inawgurat Ix-Xogħol Li Sar Fuq It-Taraġ Ta’ Ħdejn L-Aċċjomu U Triq Doni Fir-Rabat

 Inawgurat Ix-Xogħol Li Sar Fuq It-Taraġ Ta’ Ħdejn L-Aċċjomu U Triq Doni Fir-Rabat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura l-investiment totali ta’ €1 miljun f’xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li jkopru t-taraġ ta’ ħdejn l-Aċċjomu, Triq Doni fir-Rabat, kif ukoll xogħlijiet li saru fuq il-kappella fl-istess triq.

Il-Ministru Ian Borg qal li barra li se jkunu qed jikkumplimentaw ix-xogħol li sar fi Triq Għeriexem permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet se tkun anke qed tiżdied is-sigurtà u tisbieħ l-estetika ta’ dawn l-akwati.

“Dan hu gvern li tassew qiegħed jinvesti fil-komunitajiet u fin-nies. Hekk kif anke rajna ftit tal-ġimgħat ilu bl-inawgurazzjoni ta’ Triq Għeriexem, triq li r-Rabtin kienu ilhom tant jistennew li ssir u li kien dan il-gvern li daħal għall-isfida u ta lura din it-triq sinonima mar-Rabat mgħammra bl-aqwa infrastruttura u sigurtà għan-nies, hawnhekk komplejna ninvestu f’aktar sigurtà u f’estetika isbaħ f’din iz-zona. Qegħdin naraw li nżommu l-impenn tagħna li nissalvagwardjaw u ntejbu s-sigurtà tan-nies f’dawn l-ispazji li huma tant użati kemm mill-komunità kif ukoll mill-pubbliku inġenerali”, qal il-Ministru Ian Borg.

Ix-xogħlijiet li saru fit-taraġ Ta’ Doni jinkludu it-tibdil ta’ servizzi tal-ilma, sistema ġdida ta’ ‘stormwater gutters’, art ġdida tal-konkos bil-membrane, tneħħija ta’ cables antiki, pavimentar ġdid tal-porfido, sistema ġdida ta’ dawl, u twaħħil ta’ arbli u railings dekorattivi.

Min-naħa l-oħra x-xogħlijiet li saru fuq il-kappella jinkludu r-restawr tal-faċċata, u t-twaħħil ta’ dawl arkitettoniku.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com