Diskuss L-Indiċi Ta’ Benesseri Għal Malta

 Diskuss L-Indiċi Ta’ Benesseri Għal Malta

L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa laqgħa dwar Indiċi ta’ Benesseri għal Malta (The Malta Wellbeing Index).  L-għan ta’ din il-laqgħa hu propju sabiex issir analiżi ta’ diversi indikaturi biex wieħed ikollu stampa aktar preċiża dwar il-benesseri u l-qagħda ekonomika u soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan il-proġett qed isir minn akkademiċi mill-Università ta’ Malta flimkien ma’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society.

Fid-diskors tal-ftuħ, l-Ispeaker saħaq dwar l-importanza li l-Parlament ta’ Malta jagħraf il-bżonn li l-akkademiċi jagħtu l-kontribut tagħhom għal ġid komuni. Huma m’għandhomx joqgħodu lura milli jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom dwar dak kollu li jkun qed jiġi diskuss fil-Parlament.  Dan għandu jsir dejjem b’mod oġġettiv. Meta jsir hekk, il-konklużjonijiet ta’ programmi ta’ riċerka u studji għandhom jgħinu lill-Parlamentari jaslu għall-aħjar deċizjonijiet, liema deċiżjonijiet ikunu ta’ siwi u jtejbu l-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi. F’dan il-kuntest, il-Parlament jagħraf l-importanza li jsaħħaħ ir-rabtiet mal-Università ta’ Malta u jitlob l-istess università biex tħejji u tippreżenta studji dwar diversi suġġetti għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi. Fil-jiem li għaddew, il-Parlament ta’ Malta u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim li jipprovdi għal qafas formali bil-għan li jsiru studji f’diversi oqsma tal-ħajja.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia kkonkluda billi qal  li matul din is-sena qed jiġu ċċelebrati l-mitt sena mit-twaqqif tal-Parlament  u d-demokrazija parlamentari. Hu fakkar li pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi, bil-ħidma sfiqa tiegħu u bid-deċiżjonijiet kuraġġużi li ħa matul iż-żminijiet, kiseb l-indipendenza, u sar nazzjon u stat. L-Ispeaker qal ukoll li fost dawn id-deċiżjonijiet li ħa, pajjiżna sar repubblika, ħeles mill-bażijiet militari, u saħansitra naqqax fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna l-klawżola tan-newtralità.

Minn analiżi ta’ diversi indiċi, bħalma huma l-Prodott Gross Domestiku (GDP) ras għal ras, l-Indiċi dwar l-Iżvilupp Uman (HDI) li minn żmien għal żmien jagħmel il-Programm ta’ Żvilupp tal-Ġnus Magħquda (UNDP), l-Indiċi dwar il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs), l-Indiċi dwar il-Kompetittività Globali (GCI) tal-Forum Ekonomiku Dinji, l-Indiċi dwar il-Kapital Uman (HCI) tal-Bank Dinji, u l-Indiċi dwar Ħajja Aħjar (BLI) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), filwaqt li jikkonferma li Malta tinsab fost l-ewwel terz ta’ pajjiżi fir-rigward progress soċjali, teħtieġ li ttejjeb oqsma importanti ħafna tal-ħajja umana, b’mod partikolari it-tagħlim u l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent.

F’din il-laqgħa taw is-sehem tagħhom iċ-Chairperson ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, kif ukoll diversi akkademiċi u studjuzi, inkluż mill-Università ta’ Malta.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com