Mħabbra Assistenza Lill-Inkwilini Tal-Villaġġ Tal-Artiġjanat F’Ta Qali
20 artiġjan li joperaw fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali u li mxew mal-pjanijiet tal-Gvern u lestew ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-proprjetà tagħhom, se jkunu qed jibbenefikaw minn assistenza pprovduta minn INDIS Malta. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri li qal li l-għan hu li l-Gvern jimxi b’mod ekwu mal-artiġġjana kollha fit-tlestija ta’ dan il-villaġġ.
Permezz ta’ din l-assistenza dawn l-artiġġjana mhux se jħallsu l-ewwel sentejn ta’ kera dovuta lil INDIS Malta. Ħabbar ukoll li fit-tmien snin ta’ kera li jkun imisshom wara, jiġifieri mit-tielet sal-għaxar sena ta’ kera, il-ħlas tal-kera se jiġi pospost għat-tmien snin ta’ wara, li jfisser, li se jibdew iħallsu l-kera mill-11-il sena ‘l quddiem.
Kif spjega l-Ministru Schembri, dan ifisser li għall-għaxar snin li ġejjin, INDIS Malta mhi se tkun qed tiġbor ebda pagamenti ta’ kera minn għand dawn l-inkwilini, b’mod li jkollhom iktar flus f’idejhom u n-negozju tagħhom jibqa’ sostenibbli. Dan se jgħin sabiex bil-mod dawn jibdew jirkupraw mill-investiment li għamlu fil-proprjetà tagħhom f’dawn l-aħħar snin u fl-istess waqt jitħarsu l-impjiegi tagħhom u ta’ dawk li jħaddmu magħhom.
“Meta wieħed iqis li d-dħul tagħhom naqas drastikament fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija u l-fatt li hawnhekk għadu għaddej il-proġett tar-riġenerazzjoni, din l-għajnuna se tkun importanti ferm sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jsibu saqajhom u jkunu jistgħu jiffukaw fuq is-snajja’ tagħhom”, qal Silvio Schembri.
Il-Ministru qal ukoll li INDIS Malta diġà qiegħda wkoll tassisti lil dawk l-inkwilini tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta Qali li kellhom diffikultà biex jiżviluppaw il-proprjetà allokata lilhom, sabiex anki huma jkunu jistgħu joperaw minn proprjetà denja għaż-żminijiet tal-lum. Bis-saħħa ta’ din l-għajnuna bħalissa għaddej ix-xogħol fuq għaxar binjiet, filwaqt li dalwaqt mistenni jibda x-xogħol fuq għaxra oħra.
Semma kif fix-xhur li għaddew tlesta x-xogħol fuq iż-żoni komuni, filwaqt li wasal biex jitlesta wkoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru għall-Kreattività u ċentru ieħor fejn se jkunu qed jiġu esebiti s-snajja’. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq ċentru tal-istart-ups, kjosk ġdid, parkeġġ fuq in-naħa tat-Tramuntana, u ċentru tal-kura tat-tfal ġdid.
Silvio Schembri ikkonkluda billi qal li din il-ħidma kollha se twassal għal-viżjoni li dan il-Villaġġ Artiġjanali f’Ta’ Qali isir id-dar denja għall-ħiliet ta’ 70 artiġjan u l-ħaddiema tagħhom. Żona li tkun punt importanti fil-mappa lokali u li toffri prodott komplut, kemm għat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin kif ukoll għan-nies li joqgħodu hawn, sabiex b’hekk inkattru dejjem iktar l-apprezzament għall-artiġjanat lokali.
Iċ-Chairman ta’ INDIS Malta Jean Pierre Attard qal li, “Il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali huwa wieħed ambizzjuż li bħala INDIS Malta ninsabu kburin li qed inwettqu. Qed nagħmlu ħilitna kollha sabiex inkomplu għaddejjin b’pass sostnut, u fl-istess waqt, biex inkunu ta’ appoġġ lill-artiġjana.”
Is-Sur Attard irringrazzja wkoll lill-ħaddiema ta’ INDIS Malta li qed jaħdmu ferm sabiex il-viżjoni għall-villaġġ tiġi implimentata; kif ukoll lill-artiġjana, lill-ħaddiema tagħhom, u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jagħtu l-kontribut siewi tagħhom sabiex il-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali jerġa’ għal darb’oħra jkun storja ta’ suċċess għall-ġid ta’ kulħadd.
Ritratti: DOI