“Il-Bdiewa U L-Poplu Jixirqilhom Aħjar” – Edwin Vassallo
“Il-Gvern ilu aktar minn sena jaħli l-ħin biex iressaq liġi li tagħmel ġustizzja mal-bidwi u d-dritt tal-poplu għall-provista tal-ikel frisk tiegħu. In-numru ta’ bdiewa li qed jitilfu l-kawżi fil-qrati tagħna u jitkeċċew mir-raba tagħhom qed dejjem jikber”, qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista.
Tenniet li l-gvern ilu issa aktar min sena iwiegħed li ser iressaq liġi li filwaqt li tibqa’ tħares id-dritt fundamentali tas-sidien tar-raba għat-titlu tagħhom, bħala liġi tara li toħloq salvagwardja għax-xogħol tal-bidwi u fuq kollox ukoll biex ikun imħares id-dritt fundamentali tal-poplu Malti u Għawdxi għall-provista tal-ikel frisk tiegħu.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern sabiex bla telf ta’ żmien iressaq din il-liġi li ilha tant żmien tiġi imwegħda.
“Aktar mal-gvern qed jaħli l-ħin aktar qed juri li huwa gvern li ma jimpurtahx la mil-weġgħat u l-problemi li qed jgħixu fihom il bdiewa kif ukoll qed juri li dan huwa gvern li ma jimpurtahx milli jwettaq dmiru u jħares id-dritt fundamentali li l-poplu jkollu l-provista tal- ikel frisk.”
Il-Partit Nazzjonalista qed jinotta li dan it-tkaxxir tas-saqajn u ħela ta’ ħin min-naħa tal-gvern huwa kollu sinjal ta’ nuqqas ta’ ħila u rieda li dan il-gvern isolvi din il-problema.
Gvern ġdid Nazzjonalista għalhekk iniedi skema ta’ għajnuna biex bdiewa attivi jakkwistaw direttament ir-raba tagħhom b’self bla interessi u bla spejjeż garantit ukoll taħt skema tal-gvern minn fond apposta disponibbli bħala garanzija mal-banek. Tali skema tkun miftuħa għall-bdiewa kollha eżistenti li jridu jakkwistaw raba mingħand il-privat. B’dan il-mod nindirizzaw indirettament il-kwistjoni tal-bżonn ta’ prezz ġust għar-raba privat li bħalissa qed taħt skrutinju tal-qrati. Tali skema tkun miftuħa ukoll għal bdiewa żgħażagħ li jridu jidhlu fil-mistier agrikolu.
Gvern ġdid Nazzjonalista jniedi wkoll skema ta’ għajnuna diretta fuq il-ħlas ta’ qbiela fuq art privata. Tali skema tkun tinkludi rimbors sa’ 70% tal-prezz tal-qbiela għal bdiewa li jagħtu prova ta’ produzzjoni ta’ ħxejjex u frott mibjugħa fuq is-suq lokali, b’dan inkunu qed nistimulaw u ninkoraġixxu l-produzzjoni u l-konsum tal-prodott malti.
L-iskemi kollha msemmija jkunu kompletament volontarji u jkunu bla preġudizzju għal trattattivi oħra li jistgħu isiru bejn privati fuq qbiela privat u bla preġudizzju għas-sentenzi tal-Qorti.
Fl-istess waqt u indipendentement minn dan t’hawn fuq jeħtieġ li jitħaffef il-proċess ta regolarizzazzjoni ta qbiela tal-Gvern u li jiġu deċiżi l-bosta każijiet ta’ qbiela mal-gvern bi kwistjonijiet pendenti ta’ titlu jew reġistrazzjoni. Għal dan il-għan għandu jinħoloq bord amministrattiv ad hoc bis-setgħa li jaqta’ każijiet f’qasir żmien bi struzzjoni lill-awtoritajiet tal-gvern inkluż id-dipartiment tal-artijiet u r-reġistru tal-artijiet.
“Il-bdiewa u l-poplu jixirqilhom aħjar”, temmet tgħid l-istqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo, Kelliem għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar.