“Hemm Bżonn Ta’ Flessibbilità Biex Pajjiżi U Reġjuni Insulari Jkunu Mgħejjuna” – L-MEP Josianne Cutajar

 “Hemm Bżonn Ta’ Flessibbilità Biex Pajjiżi U Reġjuni Insulari Jkunu Mgħejjuna” – L-MEP Josianne Cutajar

F’konferenza fl-Università ta’ Bordeaux dwar l-approċċ politiku li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu sabiex ikun hemm l-integrazzjoni tal-gżejjer fl-Unjoni Ewropea, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Josianne Cutajar saħqet li huwa meħtieġ li l-leġislazzjoni u l-politika Ewropea tħares u tagħti każ ir-realtajiet u l-isfidi li jgħaddu minnhom kemm gżejjer stati bħal Malta u Ċipru, iżda anke gżejjer oħra li huma parti minn pajjiż akbar u li huma meqjusa bħala reġjuni.

Bħala n-negozjatur f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Dr Cutajar kienet qiegħdha tagħti l-ħsibijiet tagħha b’rabta ma’ rapport li hemm quddiem il-Kumitat tar-Reġjuni li propju qed jitkellem fuq l-insularità li jgħaddu minnha pajjiżi li huma gżira.

Dr Cutajar tenniet li l-ikbar sfidi li stati gżejjer jgħaddu minnhom huma dawk marbuta mal-oqsma tal-enerġija, it-trasport u t-turiżmu, iżda l-effetti jvarjaw skont numru ta’ fatturi fosthom id-demografija u l-ġeografija tagħhom. Il-MPE Cutajar kompliet tgħid li l-kundizzjoni ta’ insularità doppja – fejn ikollok gżira fi gżira – bħal Għawdex, f’Malta, tirrappreżenta sfidi ta’ konnettività addizzjonali, anke f’termini ta’ mobilità interna, u għalhekk importanti li din wkoll tiġi indirizzata.

“Għalhekk m’għandux ikun hemm sitwazzjoni ta’ one-size-fits-all. Irid ikun hemm il-flessibilità tant meħtieġa biex dawn il-pajjiżi u reġjuni insulari jkunu mgħejjuna bl-aħjar mod” tenniet Dr Cutajar.

L-MPE tal-Partit Laburista semmiet ukoll kif huwa importanti li meta wieħed jitkellem u jaġixxi fuq l-ekonomiji ċirkulari, ħadra u blu, wieħed jiftakar li jista’ jkun hemm impatt dirett fuq l-ekonomiji u l-għajxien ta’ dawn il-gżejjer u ċ-ċittadini tagħhom, l-aktar meta wieħed jikkunsidra l-importanza li setturi bħal dawk tal-avjazzjoni u l-marittimu għandhom fuqhom.

Fl-aħħarnett Josianne Cutajar saħqet dwar l-importanza li tkun indirizzata d-“digital divide” u jsir investiment qawwi f’dan ir-rigward.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com