Malta Eletta Fil-Kunsill Tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

 Malta Eletta Fil-Kunsill Tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

IMO HQ London

Malta kienet eletta, għat-tlettax-il darba konsekuttiva, fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) li hija l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda li tirregola l-qasam marittimu. Din l-elezzjoni saret ilbieraħ ġewwa Londra matul it-32 sezzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-istess organizzazzjoni.

Dan ir-riżultat huwa prestiġġjuż ħafna għal pajjiżna u jikkonferma li Malta għandha wieħed mill-akbar reġistri tal-vapuri merkantili fid-dinja u li tgawdi r-rispett tal-komunità internazzjonali f’dan is-settur.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Assemblea kienet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg li tenna s-sostenn li Malta ser tkompli tagħti lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u li ġabet l-attenzjoni għal numru ta’ suġġetti t’interess speċjali għal Malta.

Il-Kunsill tal-IMO huwa l-organu eżekuttiv li għandu l-kompitu li jissorvelja l-operat kollu tal-organizzazzjoni. L-erbgħin membru li jikkonstitwixxu l-Kunsill ġew eletti minn fost il-176 stat membru tal-organizzazzjoni. Permezz ta’ dawn l-elezzjonijiet jiġi żgurat li l-Kunsill ikun jikkonsisti minn membri li l-aktar għandhom interessi marittimi, kif ukoll ikun żgurat li r-reġjuni tad-dinja kollha jkunu rappreżentati f’dan il-Kunsill.

Il-Ministru Borg, li mexxa d-delegazzjoni waqt l-Assemblea li minħabba is-sitwazzjoni tal-pandemija inżammet b’mod virtwali, irringrazzja lil uffiċjali ta’ Transport Malta li bil-kooperazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, ħadmu biex jinkiseb dan is-suċċess. Il-Ministru Borg awgura li Malta tkompli tieħu sehem b’mod attiv f’dan il-Kunsill biex b’hekk tkompli tikber is-sigurtà u l-effiċjenza fil-qasam tat-trasport bil-baħar.

Dan ir-riżultat ikompli jġedded l-impenn tal-Gvern sabiex Malta tkompli ssaħħaħ l-pożizzjoni tagħha fil-qasam marittimu sabiex tkompli tikber l-istima li tgawdi Malta f’dan il-qasam hekk importanti għal-pajjiżna.

Ritratt: International Maritime Organization

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com