9 Żgħażagħ Jinqabdu Mill-Pulizija Jagħtu N-Nar L-Isptar San Filippu F’Santa Venera
Azzjoni f’waqta mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wasslet biex inqabdu disa’ żgħażagħ waqt li allegatament kienu qegħdin jagħtu n-nar fl-Isptar San Filippu, f’Santa Venera.
Ilbieraħ, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm xi żgħażagħ li daħlu fl-Isptar San Filippu u bdew iqabbdu xi kmamar.
Għaldaqstant il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn innutaw numru ta’ ġuvintur, li l-etajiet tagħhom tvarja bejn il-15-il sena u l-20 sena, ħerġin mill-binja u ġew miżmuma.
Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Monica Vella, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt: Facebook