“Robert Abela Għandu Jaġixxi Minnufih” – Il-PN

 “Robert Abela Għandu Jaġixxi Minnufih” – Il-PN

“Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-konfront tal-Ministru Justyne Caruana li ġie ppubblikat aktar kmieni llum, il-pożizzjoni tal-Ministru ma għadhiex tenibbli u għalhekk Robert Abela għandu jneħħiha immedjatament. Dan hu mument ta’ prova ieħor għal Robert Abela u diġà għadda biżżejjed żmien li matulu missu aġixxa.”

Dan ntqal mill-Kelliem tal-PN għall-Ġustizzja, Karol Aquilina flimkien mal-Kelliem tal-PN għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba, Therese Comodini Cachia f’reazzjoni wara li dalgħodu ġie ppublikat ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar il-Ministru Justyne Caruana.

Huma qalu li l-konklużjonijiet tar-rapport  jikkonfermaw ksur ta’ kodiċi ta’ etika u trattament preferenzjali mill-Ministru Justyne Caruana lil Daniel Bogdanovic li ngħata direct order li għaliha la kien kwalifikat wisq anqas kellu l-kompetenza u l-ħiliet li jwettaq ix-xogħol li ġie fdat lilu. “Ir-rapport tal-Kummissarju jagħmilha ċara li hemm potenzjalment ksur ta’ liġi li dwaru l-Pulizija għandha tieħu azzjoni,” saħqu l-Kelliema tal-PN.

“Ma hemmx aktar ħin x’jintilef. Robert Abela għandu jaġixxi minnufih. Is-settur tal-edukazzjoni għandu bżonn Ministru li jagħtih gwida u jinvesti fl-għalliema kif meħtieġ u mhux tberbiq u nfieq ta’ flus fuq ħbieb,” temmew jgħidu fl-istqarrija tagħhom il-Kelliema tal-PN Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com